F’pajjiżna għamel ir-ritorn tiegħu ċ-Ċinema fil-miftuħ. Din ix-xena kienet esperjenza unika għall-uħud filwaqt li qanqlet memorji nostalġiċi lil dawk li kienu jesperjenzaw dan snin ilu.
Dan ir-ritorn ġie mat-transformazzjoni ta’ Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta għall-avveniment Cinema City organizzat mil-Aġenzija għal-Kulturali tal-Belt Valletta bl-għajnuna tal-Kummisjoni Maltija għall-Films.
Għal ħafna, din kienet l-ewwel darba li attendew Ċinema fil-miftuħ u lkoll saħqu li din l-esperjenza hija waħda pożittiva.
Nies li attendew qalulna: “Iva tajba ħafna anzi. L-atmosfra u hekk. Inkunu kulħadd flimkien hekk barra. Barra sabiħ ukoll hekk għal arja. Naħseb li public event interessanti u missa terġa issir xi darba oħra.”
“Iva naħseb inizjattiva tajba ħafna, għanda titkompla.”
“Huma inizjattivi sbieħ li wieħed għandu jattendi u ninkuraġġixxi biex isiru iżjed.”
Dan l-istazzjon tkellem ukoll maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt, Jason Micallef dwar x’kien il-ħsieb li wassal sabiex issir din l-attività ta’ ċinema fil-miftuħ.
Is-Sur Micallef stqarr: “Il-ħsieb kien li spazju meraviljuż bħal dan, spazju kulturali, spazju ta’ storja kbira imma ukoll spazju aħdar, nikkumbinawh ukoll ma attivitajiet kulturali. Din hija l-ewwel avveniment kulturali fi ġnien Laparelli.”
Din l-attività se tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ħadd li ġej.