Sal-aħħar ta’ Jannar se tkun miftuħa ‘Harmony in Motion’, wirja tal-arti kontemporanja tal-artist Joseph Casapinta, fil-gallerija tal-arti Gemelli fil-Villaġġ ta’ Snajja’ f’Ta’ Qali.
F’din il-wirja insibu 32 biċċa tal-arti li lkoll huma mnebbħa minn xeni ta’ pajjiżna, bħal xeni tal-baħar u xeni urbani, fosthom ta’ xtajtiet Maltin, il-Forti Sant Anġlu, is-swar tal-Belt Valletta, Filfla, u l-Birgu, fost l-oħrajn.
Dawn il-pitturi kollha huma magħmula bl-akwarella u l-pinna. Waħda minnhom partikulari turi xena f’Ħal Balzan li hija mpittra bil-kafè.
Dwar dan tkellimna mal-artist u staqsejnih x’nebbħu sabiex juża l-kafè bħala medium sabiex ipitter bih.
Qal, “Dejjem xtaqt li nesperimenta bil-kaf. Allura, bħalma nħallat l-akwarella, rajt kif użajt il-kafè minflok l-akwarella, li tiddissolvi ruħha bl-ilma, bħalma tista tuża t-te. Bħalma wieħed juża dawn, l-element ta’ staining effect fuq karta, użajt il-kafè biex noħroġ l-effett bil-pinna wkoll.”