F’dan iż-żmien ta’ festi forsi ftit jieqfu u jaħsbu dak li verament ikun qed jagħmilna kuntenti. Jekk hux il-familja magħquda madwar mejda, dak ir-rigal żejjed li naqilgħu, ix-xiri u n-nefqa ta’ dak is-sold żejjed bl-iskuża tal-Milied jew inkella dik il-qatra xorb żejda tal-festa. Ftit jieqfu u jaħsbu li lil hinn mill-materjaliżmu hemm min matul is-sena kollha jirnexxielu jkun kuntent bil-ftit li għandu.
Il-fundatur tal-għaqda Right 2 Smile, Damjan Attard saħaq li l-ħidma fil-volontarjat kemm f’pajjiżi l-bogħod kif ukoll f’pajjiżna, urietu realtà ġdida :- li t-tbissima ta’ kulħadd tiġi minn affarijiet differenti u li għal kuntrarju ta’ dak li jaħsbu bosta, dawk li jgħixu l-iktar ħajja bażika jistgħu ikunu l-iktar kuntenti.
Saħaq li “Il-kuntentizza ssibha fx’inhuma l-expectations tiegħek, jiġifieri jekk jiena kuljum irrid karozza, imbgħad wara li nġib karozza rrid dar, jista’ jkolli kemm ikolli flus, dejjem qed niġri wara xi ħaġa li jekk ma jkollix ma nkunx kuntent. Jekk il-kuntentizza tiegħi hija li nara l-familja magħquda madwar mejda u għandna xi ħaġa x’nieklu u rnexxieli nagħmilha f’dik il-ġurnata nista’ nkun kuntent daqs l-ikbar sinjur li xtara dik il-karozza.”
Attard saħaq li tul dawn l-aħħar seba’ snin l-għaqda rnexxielha ġġib flimkien l-enerġija ta’ bosta żgħażagħ minn imkejjen differenti tal-ħajja sabiex jaħdmu għal għan wieħed; sabiex bil-ħidma volontarja tagħhom iħallu effett f’soċjetajiet differenti.
Attard saħaq li filwaqt li bosta jitħajru l-ewwel jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat fi skejjel fil-Kenya, Indja u Cambodia; din l-esperjenza tispiċċa turi lil volontiera li l-ikbar differenza jistgħu jagħmluha f’pajjiżhom stess.
Damjan qal kif “Meta jiġu lura pero, insaqsuhom, ġeneralment meta jiġu lura minn esperjenza bħal dik ikollhom ħafna nar f’qalbhom u jkunu jridu jbiddlu d-dinja. Ovjament dik hija enerġija posittiva li ma nħalluhiex tinħela, allura noffrulhom li jkunu jistgħu jagħmlu volontarjat hawn Malta, għaliex l-ikbar impatt li tista’ tħalli m’huwiex jekk tmur tlett elef metru il-bogħod minn pajjiżek imma ġol-komunitajiet tiegħek.”
Bis-saħħa tal-volontiera issa qed jilħqu wkoll żgħażagħ maltin permezz ta’ żewġ spazji għaż-żgħażagħ f’Santa Luċija u l-Marsa. F’dawn l-ispazji ż-żgħażagħ jiġu mgħejuna fl-istudji tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jesperimentaw u jsibu l-ħiliet tagħhom f’bosta workshops. Dan filwaqt li dawn iż-żgħażagħ stess jibdew jiġu introdotti għall-volontarjat.
Qal kif “Kull xahar inmorru outing li ġeneralment nippruvaw indaħħlu ftit ta’ volontarjat fih, jiġifieri jmorru jagħmlu volontarjat mal-santwarju, ġos-santwarju tal-annimali. Dal-ħin fi żmien il-Milied imorru jżuru xi dar tal-anzjani. Huwa spazju fejn intuhom l-opportunitá u l-għodda li jikkontribwixxu huma wkoll lejn il-komunitajier tagħna Maltin.”
Damjan Attard saħaq li filwaqt li jappella għal iktar żgħażagħ sabiex jingħaqdu mal-grupp ta’ volontiera għal din is-sena sabiex jagħmlu din l-esperjenza mal-għaqda, huwa importanti li wieħed jifhem li l-volontarjat huwa mod ta’ kif wieħed jgħix.
Damjan spjega kif “Il-volontarjat mhux kwistjoni li tagħmel is-sinjur mal-fqir, il-volontarjat hija mod kif tgħix li ngħinu lil xulxin. Jien mill-esperjenza tiegħi ġieli kelli bżonn lil xi ħadd jiena biex jissuportjani u meta nista’ nissaportja lil ħaddieħor jien. Dak huwa ċ-ċirku tal-volontarjat.”