“L-eskalazzjoni tal-konflitt bejn Iżrael u l-Hamas fil-kumplament tar-reġjun m’għadhiex biss theddida, iżda realtà. Il-waqfien mill-ġlied issa hu aktar kruċjali minn qatt qabel.” Saħaq dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, dwar iż-żieda allarmanti tal-vjolenza fil-Lvant Nofsani, waqt li kien qed jindirizza djalogu tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda mal-Lega tal-Istati Għarab.
Dan seħħ bħala parti mill-ġimgħa ta’ laqgħat ta’ livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, fi New York, l-Istati Uniti.
Il-Ministru Borg ħeġġeġ lill-membri l-oħrajn tal-Kunsill tas-Sigurtà, lil-Lega Għarbija u msieħba reġjonali oħrajn biex ikomplu jippromwovu d-djalogu u t-tnaqqis fil-koknflitti.
Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta se tibqa’ soda fl-appell tagħha għal realizzazzjoni kredibbli u irreversibbli tas-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati, bħala għan ewlieni tal-isforzi kollha li għaddejjin f’dan ir-rigward.
“Tkellimt fuq dak li Malta ilha taħdem favur għal għexieren ta’ snin, imma anke fl-aħħar xhur. L-ewwel il-waqfien b’mod immedjat u permanenti tal-ġlied li qed naraw f’Gaza, ir-rilaxx mingħajr ebda kundizzjoni tal-ostaġġi, li għadhom maqbudin u ħajjin, u, fuq kollox, il-ħidma lejn it-two state solution.”
Matul l-aħħar jiem tal-UNGA 79, id-Deputat Prim Ministru kien fost il-mistednin ta’ laqgħa tal-mexxejja fil-koalizzjoni għall-indirizzar tal-għoli fil-livell tal-baħar u t-theddida eżistenzjali tiegħu, waqt li pparteċipa fil-laqgħa annwali tan-netwerk ministerjali informali dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali.
L-hekk deskritta Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-UNGA 79 rat id-diplomatiċi ta’ pajjiżna jieħdu sehem f’aktar minn 90 avveniment u laqgħat ta’ livell għoli u 27 laqgħa bilaterali ma’ pajjiżi differenti, mifruxin fuq erba’ kontinenti, kif ukoll laqgħat ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.