L-ewwel fiera agrikola f’Malta intemmet b’suċċess, dan hekk kif din intlaqgħet tajjeb ferm mill-esebituri u anki minn ħafna li għażlu jżuruha.
Permezz ta’ din il-fiera li ġiet fi tmiemha l-Ħadd, diversi produtturi lokali esebwixxew ix-xogħol tagħhom għall-pubbliku.
Fil-fatt, żewġ produtturi, fost il-ħamsin esebitur ta’ ikel jew prodotti lokali esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għas-suċċess ta’ din il-fiera.
Huma nnutaw kif il-pubbliku kkonkorra bi ħġaru għal din il-fiera biex b’hekk anke setgħu jitkellmu ma’ dawk kollha li għażlu jżuruhom fil bankarelli taghhom.
Esebitur minnhom qal, “Il-pubbliku nista’ ngħid li attenda bi ħġaru mhux ħażin. Kellna l-opportunità li nesponu x-xogħol tagħna u barra minn hekk nispjegaw kif isiru l-prodotti u għaliex għandek tagħżel il-lokali.”
Filwaqt li ieħor qal, “In-nies isaqsu fuq il-prodotti. ngħallmu wkoll lin-nies kif isiru l-prodotti tipiċi Għawdxin u Maltin u nagħtu kemm jista’ jkun informazzjoni fuq il-prodott lokali.”
Barra minn produtturi lokali kien hemm ukoll diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet li kienu pparteċipaw f’din il-fiera.
Fost dawn kien hemm il-Malta Beekeepers Association li nnutaw ir-rispons tal-pubbliku għall-għarfien provdut minn dawn l-għaqdiet.
Qalet, “In-nies urewna li n-nies imxenqin għal dawn l-affarijiet u aħna bħala Malta żgħira għandna ħafna x’noffru fil-verità.”
Barra minn hekk, kienu bosta viżitaturi li qasmu magħna ħsibijiethom u dak li laqathom f’din il-fiera.
Intant, is-Sibt, fit-tieni jum tal-fiera twieled ħaruf.
Darrel Grech, li huwa uffiċjal fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura stqarr kif ommu kienet waħda mill-bhejjem li ttieħdu mill-ArgriHub għal din il-fiera.
Qal, “Warajna għandna gidien tar-razza Maltija. Dawn ġew provduti mill-Għammieri, miċ-ċentru tar-riċerka, msejjaħ AgriHub illum il-ġurnata. Fejn hemmhekk qed inkattru l-popolazzjoni tar-razza Maltija.”
Il-fiera rat ukoll fost l-esebizzjonijiet u l-attivitajiet, kompetizzjonijiet tal-ħalib u tal-ġmien.
Is-Sibt ittellgħu dawk tal-baqar filwaqt fl-aħħar jum tal-fiera ittellgħu l-kompetizzjonijiet tan-nagħaġ u l-mogħoż.