L-Erbgħa tat-Tniebri jfakkar iż-żmien ta’ dlam li daħal fih Ġerusalemm qabel il-mewt ta’ Ġesù.
B’hekk, bħal-lum jitfakkar it-terremot li kien heżżeż lil Ġerusalemm meta fit-tielet siegħa kienet ħarġet ruħ Kristu meta miet. Jingħad illi anki kienet iċċartet il-purtiera tat-tempju f’dan l-episodju.
Jingħad ukoll li ċ-Ċenturjun kien lissen il-kliem, “Kien tassew bin Alla li miet”.
Fil-fatt, f’Ġerusalemm illum il-ġurnata wieħed għadu jista’ jara l-qasma kawża tat-terremot fil-Knisja tas-Santu Sepulkru li tinsab fejn kien hemm l-għolja tal-Golgota.
F’pajjiżna dan l-episodju jitfakkar f’diversi knejjes fosthom dawk taż-Żejtun, in-Naxxar, u l-Birgu, li jċaqilqu l-bankijiet u jkun hemm it-twerżiq.
Il-knisja tkun imdallma f’dan il-ħin, meta anki jintefa’ xemgħa xemgħa l-kandilabru msejjaħ barrabbas. Il-kandilabru tan-Naxxar huwa magħruf b’mod partikulari għas-sbuħija tiegħu.