L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, qed jorganizzaw L-Erbgħa tat-Tniebri, il-Passjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu mat-toroq Żabbarin.
Din il-manifestazzjoni tinkludi madwar 150 personaġġ bibliku, il-personaġġi ‘tal-wiegħdi’ u diversi gruppi tal-iscouts. Apparti l-ħoss tat-tnabar li jispikka f’din l-attivita’, il-Banda San Mikiel tkun qiegħda takkumpanja b’marċi funebri mill-isbaħ.
L-attrazzjoni prinċipali tkun il-personaġġ ta’ Ġesu’ li jdur it-toroq bis-salib. Din is-sena wkoll, l-attivita’ se tinkludi mixgħela, b’iktar minn 500 xemgħa mixgħula fiċ-ċentru ta’ Ħaż-Żabbar.
L-attivita’ tibda fis-7:00pm minn Misraħ is-Sliem u tispiċċa għall-ħabta tad-9:30pm. Min iżur din l-attivita’ jista’ wkoll jara l-wirja fix-Xelter li tinsab f’Misraħ is-Sliem, flimkien ma’ wirjiet oħra li hemm ġewwa Ħaż-Żabbar.