Il-kantant popolari Malti, Edwin Galea, li miet il-Ħadd fl-għomor ta’ 84 sena, se jingħata l-aħħar tislima nhar l-Erbgħa li ġej, disgħa t’Awwissu, fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar fil-Knisja ta’ San Ġwann tas-Salib, f’Ta’ Xbiex.
Galea jibqa’ magħruf għal waħda mill-isbaħ vuċijiet lokali, li wasslitu biex jirbaħ diversi kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali, fosthom fil-Ġappun. Edwin Galea kanta wkoll f’diversi pajjiżi oħrajn, bħall-Awstralja, Hong Kong u l-Italja.
Fost l-oħrajn, Galea kien ħareġ kanzunetta bit-titlu “Is-Salvatur Tiegħi”, iddedikata lill-mibki eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff, proprju f’għeluq sninu. B’kumbinazzjoni, hu miet proprju fl-anniversarju mit-twelid ta’ Mintoff 107 snin ilu.
Galea, li beda l-karriera mużikali tiegħu fl-età ta’ tmien snin, kien ukoll rinomat għall-kanzunetta ‘Malta Ġdida’.
Minbarra hekk, hu kien jiddeverti wkoll lill-forzi militari Ingliżi stazzjonati f’pajjiżna u f’diversi stabbilimenti.
Edwin kien kanta wkoll f’ballu organizzat f’isem il-Prinċipessa Anna tal-Ingilterra, fi żjara uffiċjali li għamlet lura f’Settembru tal-2004.
Hu u martu Vivien, li wkoll ġejja minn familja ta’ mużiċisti, kellhom erbat itfal, Sonia, Adrian, Daniela u Jason.