Għal darb’oħra, aktar kmieni llum, il-Partit Laburista sebaħ man-nies fuq il-monti fil-lokalità ta’ Birkirkara, fejn mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, ukoll kienet preżenti biex tkun viċin in-nies.
Preżenti wkoll kien hemm numru ta’ uffiċjali mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, deputati u kandidati Laburisti għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali, li ltaqgħu man-nies li nzertaw jagħmlu l-qadi tagħhom.
Dan kollu qed isir bħala parti mill-kampanja ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, li tasal fi tmiemha l-Ħamis. Din kienet opportunità oħra biex ir-residenti jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ membri tal-Partit Laburista dak kollu li jolqothom fil-ħajja.
F’kumment ma’ ONE News, Dr Abela rriflettiet fuq is-suċċess ta’ din il-kampanja u appellat biex kull min għadu ma ġabarx il-vot, jagħmel dan u nhar is-Sibt li ġej jaqdi dmiru biex inqawwu u nsaħħu l-fiduċja fil-Partit Laburista.
Qal, “Qed niġu fi tmiem, lejn l-aħħar xahar ta’ din il-kampanja sabiħa ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ fejn ħaditna f’kull lokalità, f’kull raħal, f’kull belt u konna viċin in-nies. Illum qegħdin hawnhekk f’Birkirkara, l-appell tiegħi hu biex in-nies, dawk li għadhom ma ġabrux il-vot, imorru jiġbru l-vot, ħalli nhar is-Sibt nibgħatu messaġġ b’saħħtu favur Gvern Laburista, u nuru l-apprezzament tagħna għal dak kollu li sar u ta’ dak ukoll li għad irid isir. Ejjew inkomplu ningħaqdu flimkien ħalli nagħtu s-saħħa lill-Għawdxin u s-saħħa lill-Maltin.”