Tliet Maltin u Ingliż li tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar ta’ droga nħelsu mill-arrest u tpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Dan tal-aħħar seħħ hekk kif il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras sabet li hemm biżżejjed provi fil-konfront tal-akkużati.
F’Awwissu li għadda, l-erbat irġiel tressqu l-Qorti wara li nqabbdu b’136 kilogramma ta’ droga u anke kienu mixlija li kellhom armi u munizzjon mingħajr permess.
Il-valur tad-droga li nstab fil-garaxx f’Burmarrad kien ta madwar €2.5 miljun.
Fost id-droga elevata f’dan il-garaxx kien hemm kannabis f’boroż, ammonti żgħar ta’ droga suspettata kokaina u ecstasy.
L-akkużati ngħataw il-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €23,000 u garanzija personali ta’ €27,000. Filwaqt li jridu jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-pulizija.