Il-Qorti lliberat lill-erba’ diretturi ta’ kumpanija tat-turisti wara inċident li seħħ b’double decker f’April ta’ tliet snin ilu, li fih mietu żewġ turisti u ndarbu 21 persuna oħra.
F’deċiżjoni li ta, il-Maġistrat Joe Mifsud ma sabx raġunijiet biżżejjed biex id-diretturi, Lee Anne Borg ta’ 38 sena, Kim Degabriele ta’ 40 sena, Noel Degabriele ta’ 24 sena u Philip Degabriele ta’ 32 sena jitpoġġew taħt att t’akkuża.
Huma kienu tressqu flimkien max-xufier tad-double decker mixlija bi qtil involontarju.
Il-Maġistrat Mifsud iddeċieda wkoll li x-xufier Charles D’Amato ta’ 27 sena jitpoġġa taħt att t’akkuża.
Fid-digriet li ta, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li r-responsabilità kriminali tal-każ hija waħda personali u mhux waħda rappreżentattiva kif jiġri fil-kamp ċivili u għalhekk l-erba’ diretturi, li ma kinux preżenti fuq il-post meta seħħ il-każ, tressqu l-Qorti mixlija bħala r-rappreżentanti tal-kumpanija u issa sar magħruf li ma hemmx provi li huma responsabbli li ħolqu d-dannu fil-każ.
Intqal kif kif wieħed biss mid-diretturi xehed fl-inkjesta Maġisterjali li nfetħet fuq dan il-każ, u dan kien Kim Degabriele.
Fil-Qorti meta tressqu l-akkużati kien intqal li x-xufier sarlu test biex jaraw jekk saqx xurban iżda mit-test ma nstabu l-ebda traċċi tal-alkoħol.
Għall-erba’ diretturi tal-kumpanija City Sightseeing Malta Ltd. dehru l-Avukati Alessia Zammit McKeon, Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Maria Grima.