Wara laqgħa tal-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi li saret nhar l-Erbgħa 8 ta’ Frar 2023, il-kumitat irrakkomanda l-ħatra tas-Sur Jesmond Gatt bħala Chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA u l-ħatra tal-Perit Vincent Cassar bħala Chairperson tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi, l-ERA.
Is-Sur Jesmond Gatt serva bħala Chairman tal-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) għal dawn l-aħħar tliet snin u f’karigi eżekuttivi differenti fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Dan filwaqt li l-Perit Cassar għandu esperjenza estensiva fir-rigward tas-servizz pubbliku, serva bħala Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar u aktar tard bħala Chairman tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana awgura lis-Sur Gatt għall-kariga l-ġdida tiegħu, filwaqt li rringrazzja lill-Prof. John Mamo għas-servizz tiegħu lejn l-istess awtorità għal dawn l-aħħar ħames snin. Min-naħa l-oħra, l-ERA rringrazzjat lill-Professur Victor Axiak għas-servizz tiegħu matul is-snin li fih serva bħala Chairperson tal-Bord tal-ERA.