L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed joġġezzjonaw għall-applikazzjoni ta’ żvilupp ta’ żewġ vilel bil-pool barra ż-żona ta’ żvilupp fil-Bidnija, imressqa mill-eks Ministru Ċensu Galea.
Dwar dan il-każ kienet diġà rrapportat il-gazzetta KullĦadd li wriet id-double standards tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Perit Galea u bintu, id-Deputata tal-Oppożizzjoni Graziella Galea, fuq il-midja soċjali sikwit jagħtu l-impressjoni tad-difensuri tal-ambjent, imma f’dan il-każ urew biss kif kapaċi jiskruplaw meta jkun jaqbel lilhom.
Fil-fatt meta ġiet avviċinata minn ONE News, id-Deputata ma wiġbitx l-ebda mistoqsija b’rabta mal-applikazzjoni li daħħal missierha quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Ġurnalist: Onorevoli bqajt ma kkummentajtx dwar l-applikazzjonijiet f’ODZ li daħħal missierek, favurihom inti?
Graziella Galea: …….
Is-silenzju u l-iskumdità ta’ Graziella Galea quddiem dawn il-mistoqsijiet jikkuntrasta bil-kbir mal-fatt li l-istess Galea spiss tattakka lill-Gvern b’rabta ma’ applikazzjonijiet, li xi drabi anke jkunu tressqu mill-privat u li l-awtoritajiet, li huma awtonomi, ma jkunux għadhom iddeċidew dwarhom jew saħansitra indikaw ċar li ma jistgħux jitwettqu.
Iżda din id-darba, b’rabta ma’ applikazzjoni fejn hemm involut missierha, il-Perit u eks Deputat Nazzjonalista sal-2017 Ċensu Galea, is-silenzju kien konvenjenti għal Graziella Galea.
L-applikazzjoni, li kienet suġġetta għar-rappreżentazzjonijiet sat-22 ta’ Settembru.
Issa waqt li l-ERA qed targumenta li l-applikazzjoni għall-iżvilupp hi oġġezzjonabbli mill-perspettiva ambjentali, il-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, li taħtu taqa’ ż-żona inkwistjoni, qed jopponi għall-fatt li din bl-ebda mod mhi konnessa mal-biedja, avolja l-art hi waħda agrikola.
Kif kien diġà rrimarkat ukoll qabel, Ċensu Galea kien ukoll membru fil-Kabinett tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi meta fl-2006 twessgħet l-art għall-iżvilupp, fl-akbar skandlu ambjentali li qatt seħħ fil-pajjiż u r-riżultati tiegħu għadhom jinħassu sal-lum.