L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA għat-tieni darba f’ġimgħa waqfet ix-xogħlijiet li qed isiru fil-bajja tal-Imġarr ix-Xini. Dan sar wara li rapporti qalu li t-terrapien beda jinżel fil-baħar.
L-awtorità qalet dan fi stqarrija li qalet li mill-ispezzjonijiet li għamlet indika kif ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin kienu għaddejjin mingħajr ma tpoġġiet xibka li tilqa’ għat-terrapien fil-baħar. Barra minn hekk ma kienx hemm monitoraġġ ekoloġiku, kif dejjem għandu jsir skont il-kundizzjonijiet tal-ERA.
L-ERA waqfet ix-xogħol il-Ħamis, iżda l-kuntrattur reġa’ kompla bix-xogħol u reġa’ twaqqaf is-Sibt. L-ERA qalet li l-kuntrattur ma jistax ikompli jaħdem fuq dawn ix-xogħlijiet sakemm jiġi konformi mal-kundizzjonijiet ambjentali li timponi l-awtorità.