L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ħabbru li ser jieħdu sehem fi proġett ta’ riċerka minn Interreg Europe bl-isem winpol.
Proġett li l-għan tiegħu huwa li jkompli joħloq kuxjenza fuq is-separazzjoni tal-iskart filwaqt li jgħin jimmotiva l-implimentazzjoni ta’ smart bins u iktar għodod teknoloġiċi relatati mal-ġbir tal-iskart.
Dan hekk kif permezz tal-proġett winpol, l-ERA flimkien ma’ 8 imsieħba oħra, fosthom Emulsa fi Spanja, ikunu jistgħu jtejbu l-politika ta’ implimentazzjoni relatata ma’ dawn l-għodod teknoloġiċi.
Eżempju ta’ dawn l-għodod teknoloġiċi huma l-ismart bins msejjħa bħala bigbelly. Kontenitur li jikkompressa l-iskart li jkun miġbur ġo fih sabiex joħloq iktar spazju. B’hekk dan kapaċi jżid l-ammont ta’ skart li jiflaħ bi tmien darbiet aktar milli kapaċi jiflaħ oriġinarjament.
Bl-implimentazzjoni ta’ dawn l-għodod teknoloġiċi is-Sur Kevin Mercieca, Deputat Direttur tal-ERA, tenna li tijieb l-effiċjenza relatata mal-ġbir tal-iskart.
Tul dan il-proġett ser jiġu wkoll studjati miżuri relatati ma’ ġbir tal-iskart li jagħmlu użu minnhom il-pajjiżi li ser jieħdu sehem f’dan il-proġett.
Fost dawn il-miżuri ssemma kif Malta diġa qed tagħmel użu minn kontenituri simili bħal dawk imsejjħa ibins li huma mgħammra b’teknoloġija intelliġenti li tippermetti liċ-ċittadini jirriċiklaw erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Filfatt huwa mmirat li 800 bring-in-site se jinbidlu f’ibins f’wiehed u erbgħin belt u raħal madwar Malta u Għawdex.
Il-proġett mistenni jintemm f’Dicembru tal-2022 bil-flus allokati jammontaw għal €1.4 miljun.