L-Awtorità tal-Ippjanar irrevokat żewġ permessi għal żvilupp ta’ villa fiż-Żebbuġ Għawdex u għal żvilupp ta’ binja abbandunata li tinsab f’żona ekoloġika sensittiva f’Wied Għomor.
Fi stqarrija, l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar laqgħet dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u fissrithom bħala pass pożittiv lejn il-ħarsien ta’ żoni barra mil-limitu tal-iżvilupp.
L-ERA qalet li l-iżvilupp fiż-Żebbuġ Għawdex seta’ qered għalkollox it-tarf tal-għolja li tinsab f’żona sensittiva.
Qalet li l-impatt li dan l-iżvilupp fuq l-ambjent kien se jkun estensiv u kien għalhekk li t-Tribunal laqa’ l-appell għar-revoka tal-permess.
Dwar ir-revoka tal-permess għal żvilupp ta’ binja abbandunta f’Wied Għomor fosthom għal skavar u estensjoni tal-ewwel u t-tieni sular, l-ERA qalet li dan l-iżvilupp ma kienx jirrispetta l-kuntest tal-wied u kien se jinħoloq preċedent għal aktar żvilupp.
Qalet li l-appell intlaqa’ wkoll għax l-iżvilupp propost kien estensiv għas-sit u għalhekk ma kienx jirrispetta l-karatteristiċi rurali tal-binja eżistenti u kien se jkollu impatt negattiv fuq iż-żona rurali ta’ Wied Għomor.