Il-Gvern Malti issiġilla l-protezzjoni u l-ħarsien ambjentali ta’ Ħondoq ir-Rummien bid-dikjarazzjoni li dan is-sit huwa legalment meqjus bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni mill-Awtorita Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Fl-istess proċess, żewġ siti oħra f’Għawdex qed jiġu iddikkjarati bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni. Dawn huma il-Qortin ta’ Isopu u l-Ġebla tal-Fessej li permezz ta’ notifika li l-Gvern se joħroġ din il-ġimgħa, se jgawdu minn ħarsien ambjentali minħabba r-rikkezzi naturali u ġeoloġiċi tagħhom.
F’Malta, Xrobb l-Għaġin ukoll se jgawdi mill-istess protezzjoni.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca u s-Sindku tal-Qala, Pawlu Buttigieg, qalu li issa Ħondoq għandu wkoll il-protezzjoni legali. Fl-2006, din l-art ingħatat għall-iżvilupp u ddaħħlet fil-pjani lokali ta’ dak iż-żmien.
Din il-protezzjoni tfisser li attivitajiet f’din iż-żona huma suġġetti għal screening jew studji ambjentali aktar rigorużi minn ta’ siti oħra li jinsabu f’żoni barra mill-iżvilupp (ODZ). Fejn jinstab li se jkun hemm impatt negattiv fuq il-bijodiversità tal-inħawi, l-attività ma tkunx tista’ ssir jekk l-ewwel ma jiġux eliminati dawn il-konsegwenzi.
Ġie spjegat kif b’kollox il-Gvern qed iżid madwar 850,000 metru kwadru oħra t’art protetta – daqs 120 ground tal-football, ftit akbar mid-daqs tal-Belt Valletta.
Dan ifisser li, b’kollox, madwar terz tal-art f’pajjiżna hija protetta taħt diversi regolamenti ambjentali.