Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima Josè Herrera qal li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorzi (ERA) tefgħet responsabbiltajiet ġodda fuq il-Gvern għax wara li nfirdet minn mal-Awtorità tal-Ippjanar saret il-korp ewlieni awtonomu responsabbli mill-ambjent.
Meta kien qed jitkellem dwar il-mozzjoni biex il-Kamra tapprova l-Estimi tal-awtorita, il-Ministru Herrera qal li dan kien ta’ ġid bla preċedent u huwa l-legat tal-ewwel legislatura tal-Gvern Laburista.
Minn April 2016, meta bdiet taħdem, l-Awtorità żiedet il-ħaddiema li sa l-aħħar ta’ din is-sena se jlaħħqu 160. Miexi wkoll ix-xogħol fuq rinovar ta’ Hexagon House bħala l-uffiċini tagħha, xogħol li se jiswa €800,000.
Il-Ministru Herrera qal li fl-ewwel disa’ xhur tagħha, l-Awtorità daħħlet €236,000 u n-nefqa kienet ta’ €4.5 miljun, li minnhom €2.8 miljun kienu f’pagi.
Saru 22 pjan tal-immaniġġar u tmien conservation orders. Tfasslet ukoll l-ewwel politika dwar l-annimali protetti. L-Awtorità għamlet studju dwar l-ambjent marittimu u qed tagħmel it-tielet rapport dwar l-istorbju ambjentali.
Il-Ministru Herrera qal li l-Gvern kien ambizzjuż kif iħares lejn l-ambjent u nnota li l-ERA qed timplimenta l-viżjoni tal-Gvern u l-entitajiet kollha fil-Ministeru qed jikkoperaw bis-sħiħ magħha.
Huwa qal li fuq il-mudell ta’ Heritage Malta, ghandu jkollna Ambjent Malta.