Il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, approvat il-proposta tal-bini tal-impjant għat-trattament tal-iskart biex minnu tiġi ġġenerata l-enerġija.
Dan l-impjant fil-Magħtab se jara wkoll żvilupp ta’ toroq biex ikun hemm aċċess għal dan l-impjant.
L-ERA kienet talbet li jsir assessjar tal-impatt ambjentali tal-iżvilupp tal-bini tal-impjant iżda meta qieset kemm dan se jgħin biex skart mhux riċiklabbli jonqos milli jintrema’ fil-landfill, l-Awtorità approvat il-proposta.
Intant il-bord tal-ERA mmulta mitt elf ewro lil applikant li ried jaqla’ siġar f’żona f’Ta’ Qali biex fiha jsiru l-kunċerti.
L-ERA qalet li l-applikant qabad u beda jaqla’ s-siġar mingħajr permess u filwaqt li approvat permess għal xogħlijiet oħra, ordnat li l-applikant jiżra’ sitt mija u ħamsa u sebgħin siġra bħala kumpens u l-permess ikun soġġett ta’ garanzija bankarja ta’ mija u erbgħa u sebgħin elf ewro.