Il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, approva r-rapport ta’ Assessjar għall-Impatt Ambjentali dwar l-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-impjant il-ġdid li se jibdel l-iskart organiku f’elettriku u kompost, bħala parti mill-kumpless ECOHIVE tal-WasteServ.
Il-kunsiderazzjonijiet tar-rapport u tal-istess ERA dwar il-proġett jifformaw parti mill-proċess quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi determinat il-permess tal-iżvilupp meħtieġ għall-bini tal-impjant il-ġdid, li se jirrivoluzzjona l-mod kif jiġi ttrattat l-iskart f’pajjiżna u se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan nazzjonali fit-Tul għall-Ġestjoni tal-Iskart sal-2030.
Malta diġà qed tipproċessa l-iskart organiku kollu, li jiġi sseparat fil-boroż il-bojod mir-residenzi u n-negozji u tikkonvertih f’elettriku permezz tal-impjant eżistenti tal-WasteServ. Madankollu, kwantitajiet kbar ta’ skart organiku għadhom qegħdin jintremew illegalment fil-borża s-sewda u jispiċċa fil-miżbla.
Fi stqarrija, l-ERA qalet li, fiż-żmien li ġej, il-familji u n-negozji mistennija jkomplu jżidu s-separazzjoni tal-iskart organiku, inkluż b’miżuri u inizjattivi differenti, bħall-inforzar tar-regolamenti obbligatorji dwar is-separazzjoni tal-iskart, li daħlu fis-seħħ din is-sena stess.
L-impjant il-ġdid propost mill-WasteServ se jkun kapaċi jlaħħaq maż-żieda fl-ipproċessar tal-kwantitajiet ta’ skart organiku, li se jinqalbu għal biogas, li fl-aħħar mill-aħħar se jintuża bħala fuel sostenibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Bħala parti minn dan il-proċess, l-impjant se jipproduċi wkoll kompost agrikolu, bl-ipproċessar ta’ madwar 74,300 tunellata metrika ta’ skart organiku kull sena.
Bl-istudju dwar l-impatt tal-proġett, l-awtorità kkonfermat li l-impjant il-ġdid se jkollu benefiċċju ambjentali qawwi u kruċjali fl-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart nazzjonali.
Waqt is-smigħ tal-bord, ġie nnotat kif diġà kien hemm titjib sinifikanti fis-separazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart fl-aħħar snin, inkluż din is-sena, li mmarkat l-inqas ammont ta’ boroż suwed miġburin fl-aħħar 21 sena, minkejja żieda fil-popolazzjoni.
Minbarra din id-deċiżjoni importanti, il-bord tal-ERA ukoll approva t-tiġdid ta’ permess għal faċilità eżistenti għall-ipproċessar ta’ skart kummerċjali.