L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA appellat id-deċiżjoni li ttieħdet fir-rigward ta’ permess għal villa fil-Qala.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent qal li minkejja l-fatt li l-permess ġie rtirat mill-applikant, l-appell kellu jsir sabiex jitneħħa l-preċedent li nħoloq meta ngħata l-permess.
Il-ministeru nnota wkoll b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet riċenti li ttieħdu mill-Qorti tal-Appell kif ukoll mill-Bord tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fejn ġew revokati permessi fosthom għall-estensjoni ta’ ristorant fid-Dwejra kif ukoll żvilupp ta’ binja dilapidata li tinsab Wied Għomor.
Il-Ministru Jose Herrera sostna li hemm bżonn li titkompla l-ħidma dwar riforma bżonjuża u radikali tal-policy tal-ODZ, sabiex jitneħħew anomaliji eżistenti f’din il-policy u b’hekk iwassal biex jiġi ssalvagwardjat aktar l-ODZ.