L-ERA daħħlet l-oġġezzjonijiet tagħha għall-applikazzjoni ta’ outline permit preżentata għat-twaqqigħ u żvilupp mill-ġdid tal-eks fabbrika tal-isplussiv f’Ħad-Dingli, iktar magħrufa mir-residenti bħala l-fabbrika tal-Ġelatina fiż-żona tal-Qaws, f’resort u spa.
Fir rapport ta’ sebgħa faċċati l-ERA qalet li l-fatt li diġà hemm il-bini tal-fabbrika tal-isplussiv m’għandux jintuża bħala pretest sabiex jingħata permess għall-iktar żvilupp u saħansittra dan jiġi estiż. Din il-proposta se tkun qed tpoġġi żvilupp kummerċjali u urban iktar viċin ta’ żona kostali u rdumijiet ta’ importanza kbira u żoni protetti tal-madwar.
L-iżvilupp propost huwa tħassib ambjentali sinjifikanti qalet l-ERA.
Fi kliem l-ERA dan se jkun qed ipoġġi diffikultajiet sabiex effettivament l-iżvilupp jiġi kontenut fi ħan iż-żona diġa kompromessa minħabba diversi fatturi bħat-twassil ta’ servizzi. “Il-proġett jitlob xogħlijiet sinifikanti ta’ tħaffir f’ambjent sensittiv ħafna. Hemm is-sensitività ekoloġika u xjentifika tas-sistema tal-wied ħdejn l-iżvilupp u impatti negattivi sinifikanti fuq ix-xeniċi ta’ natura li joffri l-post.”
L-ERA qalet ukoll li dan se jħalli impatt viżiv negattiv b’ambitu fqir għal mitigazzjoni xierqa permezz tat-tħawwil ta’pjanti u siġar kif proposti. “Dan se joħloq kwistjonijiet ambjentali oħra assoċjati mal-introduzzjoni ta’ ħsejjes, dawl u problemi oħra fis-sit u fiż-żona tal-madwar, li tikkontribwixxi wkoll għad-degradazzjoni ekoloġija f’kuntest iktar usa'”.
“Il-movimenti tal-vetturi mistennija u n-numru ta ‘viżitaturi attirati minn dawn iż-żoni jista’ jikontribwixxi għaż-żieda fit-talbiet sabiex jitwessgħu it-toroq u anke għall-parkeġġ, b’konsegwenzi negattivi fuq l-inħawi tal-madwar.”
L-iżvilupp propost huwa inkompatibbli mal-prijorità ġenerali biex tiġi konservata b’mod effettiv l-importanza naturali, ekoloġika u xjentifika taż-żona, inklużi l-ispeċi protetti tagħha, u l-istat naturali ġenerali u sensittività għolja tal-pajsaġġ żiedet l-ERA.
“Huwa wkoll f’kunflitt dirett mal-istatus ta’ żona skedata u mal-preżunzjonijiet konsegwenti kontra l-iżvilupp li jirriżultaw minn dan l-istatus. Dan l-iżvilupp jista’ jikkawża wkoll bidla fl-użu tal-art taż-żona kkonċernata u għalhekk jikkawżaw theddid u pressjonijiet differenti għall-integrità, l-istruttura u l-funzjonament tal-Anness 1 tal-Habitat 5330 li jinsab fil-viċinanza immedjata tal-bini.”
Dan imur kontra l-miżuri speċifiċi tal-immaniġjar tal-Rdumijiet ta’ Malta: Ir-Ramla ta’ Għajn Tuffieħa sax-Xaqqa qalet l-ERA kif ukoll kontra it- Theme 2: Species and Habitats of Malta’s National Biodiversity Strategy and Action Plan (NBSAP) li jitlob li jeħtieġ li tissalvagwardja l-kampanja mit-tixrid urban.
“L-esperjenza wriet li l-impenji għall-iżvilupp bħal din il-proposta huma kważi irriversibbli ladarba jitħallew jiġu stabbiliti.”
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn l-iżviluppi huma diretti lejn postijiet ta’ impatt baxx (pereżempju f’siti indikati ta’ turiżmu primarju) żied jgħid ir-rapport.
L-Applikanti Dirk Hili, Bianca Anastasi u Veli Holdings huma l-propjetarji tal-kumapnija La Toc Hotels Limited, liema kumpanija ġiet iffurmata fl-2014. Il-pjan għal din il-lukanda jinvolvi eskavazzjoni tas-sit sabiex jiġu kreati tliet livelli sotterrani: tnejn minnhom għall-parkeġġ u l-ieħor bħala restorant, spa, kċina, reception u bar lounge.
Il-pjanti sottomessi jindikaw li l-lukanda hija proposta fuq 11-il blokka separata b’ żewġ pixxini. Jekk approvat dan se jkun qed jirrikjedi tqattigħ tal-art sabiex jitwassal id-dawl u l-ilma. Żvilupp lussuż jekk mhux għall-impatt ambjentali negattiv li se jkun qed iħalli fuq iż-żona ODZ.
“Fid-dawl ta’ dan il-proposta hija oġġezzjonabbli minn perspettiva ambjentali. Il-konservazzjoni tan-natura għandha tkun il-prijorità / għan primarju għal din iż-żona sensittiva u l-inħawi tagħha. L-ERA tqis li l-ebda żvilupp u xogħlijiet m’għandhom jitħallew iseħħu f’dan il-qasam sensittiv.”
Diversi għaqdiet non-governattivi, residenti u anke l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli diġà preżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp propost. Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzopardi tenna li l-użu jew aħjar in-nuqqas ta’ użu ta’ din iż-żona m’għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni sabiex jiġi akkomodat dan l-iżvilupp. Dan kien il-ħsieb ewlieni li ħareġ wara konsultazzjoni pubblika li l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli għamel mar-residenti tiegħu l-ġimgħa li għaddiet. Kienu ħafna r-residenti u l-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom fil-madwar li esprimew rabja kbira għal dak li ddiskrivew bħala “sfreġju f’żona ta’ Natura 2000.”
Ir-reġistrazzjonijiet kontra l-iżvilupp jintlaqgħu sal-4 ta’ Settembru 2017.
Artikli relatati: http://www.one.com.mt/2017/07/23/dinglin-kontra-l-izvilupp-ta-lukanda-fzona-odz/