L-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi ddeċidiet li tappella mill-permess li nħareġ għall-iżvilupp ta’ bini għoli f’ Townsquare f’ tas-Sliema quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Il-permess kontroversjali tal-bini ta’ 38 sular, li ħareġ lil Town Square Sliema Ltd, fl-4 t’ Awwissu li għadda, ingħata wara diskussjoni taħraq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Id-deċiżjoni li tappella għal dan il-permess ittieħdet wara laqgħa tal-Board tal-Awtorità tul il-jum tat-Tnejn.
Fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità intqal li l-Board jħossx il-bżonn li jappella wkoll mill-permess tat-torrijiet fl-Imrieħel, li nħareġ fl-istess jum, għaliex din ma tkunx l-aħjar mod kif ikun indirizzat it-tħassib li għandhom dwar il-proġett. Iżda l-Awtorità se tieħu miżuri alternattivi.
L- Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi għamlitha ċara li mhijiex kontra l-prinċipju ta’ bini għoli sakemm l-iżviluppi jirrispettaw il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli. Madanakollu intqal li l-Awtorità se tieħu inizjattivi oħra biex ikun żgurat li dawn il-binjiet għolja ikunu eżaminati fuq qafas iktar komprensiv.