Fil‑ġimgħat li għaddew l‑Awtorità għall‑Ambjent u r‑Riżorsi (l‑ERA) u l‑PARKs kienu għaddejjin b’ħidma intensiva biex tittejjeb is‑sostenibbiltà tal‑wirt naturali li għandna f’Kemmuna. Din hija parti mill‑implimentazzjoni tal‑Pjan tat‑Tmexxija ta’ Kemmuna u għalhekk, fl‑isfond li l‑ambjent ikun kompatibbli mal‑bżonnijiet tagħna, saru diversi xogħlijiet ta’ tisbiħ u ħarsien tal‑ambjent.
Ftit żmien ilu, bħala azzjoni ta’ infurzar tal‑Awtorità, l‑ERA ħarġet Ordni ta’ Waqfien u ta’ Konformità fuq rdim u rimi ta’ skart goff illegali f’diversi postijiet f’Kemmuna. L‑ERA ikkordinat azzjoni biex titneħħa din l‑illegalità.
Bil‑kollaborazzjoni tal‑Wasteserv Malta, sar ukoll tindif biex jitneħħa żibel li ntefa’ f’dawn il‑postijiet f’dawn l‑aħħar snin. L‑ERA ħadet din l‑opportunità biex flimkien mal‑PARKs isiru xi azzjonijiet oħra li minnhom tista’ tgawdi Kemmuna u l‑ambjent tagħha.
Il-Ministru ghall-Ambjent Jose Herrera żar ix-xogħlijiet li kienu qed jsiru f’Kemmuna, fejn saħaq li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Ministeru tal-Ambjent jkun aktar ‘hands on’ sabiex jtejjeb l-ambjent ta’ madwarna. Spjega li bis-saħħa tal-ordni ta’ infurzar tneħħa l-iskart goff li ntrema llegalment.
Il-Ministru Herrera sostna li se jkomplu jaħdmu sabiex bil-kollaborazzjoni tal-ERA, PARKs u Wasteserv ikomplu inaddfu lil din il-gżira u jkomplu jneħħu speċi barranin u aljeni li qed jagħmlu ħsara lill-ambjent.
Il‑bajja ta’ Santa Marija tħaddan għaram tar‑ramel (sand dunes), ambjent li huwa rari fil‑gżejjer Maltin u hu protett fuq livell Ewropew. F’dan it‑tip ta’ ambjent naturali jikbru diversi speċi li huma tipiċi tar‑ramel. Sfortunatament, ftit huma l‑bajjiet li għad fadlilhom għaram tar‑ramel rappreżentattivi u għalhekk irridu nagħmlu mill‑aħjar li nistgħu biex inħarsuhom kif inhu xieraq.
L‑għaram tar‑ramel ġew imħarsa billi ttellgħu ħbula madwar dik iż‑żona biex jiġi evitat ħsara ambjentali mill‑passaġġ tan‑nies minn fuqhom, u dan bħala l‑ewwel pass għall‑ħarsien tar‑Ramla. Il‑kjosk ta’ Santa Marija wkoll għen u kkollabora biex tiġi mħarsa aħjar din il‑bajja.
Barra minn hekk, l‑ERA u l‑PARKs neħħew speċi barranin u aljeni li jagħmlu l‑ħsara lin‑natura minn xi partijiet ta’ Kemmuna, bħaż‑żabbar tal‑Amerka u s‑swaba’ tal‑Madonna, li tħawlu u nfirxu tant li bdew jagħmlu ħafna ħsara lill‑bijodiversità ta’ din il‑gżira.
Ix‑xogħol mhux ser jieqaf hawn. L‑ERA se tikkummissjona studju għal Carrying Capacity Assessment fil‑gżira, biex jittaffew, u fejn possibbli jissolvew, xi problemi li hemm f’żoni bħal ta’ Bejn il-Kmiemen (li tinkludi l‑Blue Lagoon), San Niklaw u Il-Qala ta’ Santa Marija, skont kif mitlub mill‑Pjan tat‑Tmexxija ta’ Kemmuna li kien approvat mill‑Ministeru s‑sena li għaddiet.
Qed issir ukoll konsultazzjoni kontinwa bejn l‑entitajiet li jieħdu ħsieb Kemmuna flimkien mal‑Ministeru ghall‑Ambjent, l‑Izvilupp Sostennibli u t‑Tibdil fil‑Klima u l‑ERA. Barra minn hekk, l‑ERA bdiet proċess ieħor biex iġġib fondi tal‑Unjoni Ewropea sabiex tkompli timplimenta l‑pjanijiet tat‑tmexxija Natura 2000, u diġà qed taħdem fuq żewġ proġetti minn dawn.