Fil-ġimgħat li ġejjin jekk l-operaturi tal-barrieri mhux se jibqgħu jaċċettaw l-iskart tal-kostruzzjoni u jirregolaw l-prezz għal dan ir-rimi, l-operat ta’ dawn il-barrieri se jkun qed jgħaddi taħt idejn il-Ministeru għall-Ambjent skond il-liġi. Hekk wissa’ l-Ministru għall-ambjent Jose’ Herrera f’intervista ma’ One News.
Huwa spjega kif bħalissa għaddej eżerċizzju ta’ stħarriġ fuq għadd ta’ barrieri f’pajjiżna.
Spjega kif “Il-Ministeru tiegħi tramite l-ERA għaddej bi proċess ‘eżawrjenti’ u qed jagħmel survey ta’ fuq minn mija u erbgħin barriera. Ir-raġuni hi biex inkunu nistgħu nagħmlu stock take ħa naraw fejn hemm spazji li nistgħu nilqgħu l-iskarttal-kostruzzjoni.”
Huwa appella li ma jistax ikun li l-prezzijiet tar-rimi tal-iskart jibqgħu jgħolew b’din ir-rata u li jkollok barrieri li ma jaċċettawx dan l-iskart b’detriment għas-suq u l-ambjent innifsu.
Herrera qal “Jiena nemmen illi l-prezz li jrid jiġi ffissat irid ikun dak li huwa aċċettabbli, li konna ftiehmna fuqu. Meta niġġestixxi dik il-barriera dak il-prezz li se nżomm u nemmen li jekk jiena nieħu f’idejja it-treġijja ta’ numru ta’ barrieri bi prezz li jkun raġonevoli u tas-suq, dan ikollu l-effett. Illi l-prezz ta’ dan it-tip ta’ xogħol, ta’ dan it-tip ta’ attivitá tistabilixxi ruħha.”
Il-Ministru Herrera saħaq li qed jikkunsidra wkoll il-pass li jagħmel ordni fuq il-prezz u jillimita l-prezz tas-servizz tar-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni fil-barrieri għal ammont raġjonevoli.
Dan filwaqt li appella lil operaturi għal żblokk fis-sitwazzjoni biex għalhekk ma jkollux għalfejn jieħu passi drastiċi.
Intant il-Gvern qed iħares lejn soluzzjonijiet differenti dwar l-użu tal-iskart tal-kostruzzjoni li jista’ jkun riżorsa utli għall-pajjiż.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien semma wkoll soluzzjoni medja fejn il-Gvern jarmi l-iskart f’żona fil-baħar li mhix sensittiva għall-ambjent.
Iż-żona inkwistjoni diġa intużat meta sar l-iżvilupp ta’ Tigne u hija żona li diġa kienet identifikata fi żmien l-Ingliżi.
Filwaqt li l-Gvern tenna li din mhux il-pożizzjoni favorita, il-Gvern tefa’ għajnejh fuq soluzzjoni fit-tul bħal dik tar-reklamazzjoni tal-art fejn l-Aġenzija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA tinsab fi stadju konklussiv fi studju li twettaq f’dan ir-rigward.