L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u Ambjent Malta għaddejjin bi proġett ta’ restawr estensiv f’Kemmuna.
Fost l-oħrajn, dan il-proġett se jara li sar-rebbiegħa tas-sena d-dieħla, f’Kemmuna se jitħawlu tlett elef siġra u arbuxell.
Dan kollu jaqa’ taħt l-umbrella ta’ proġett usa’ li għandu l-għan li jtejjeb u jippreserva l-ambjent fuq din il-gżira filwaqt li jiġi rrestawrat l-abitat tiegħu, b’konformità ma’ Natura 2000.
Fi stqarrija l-awtoritajiet qalu li l-proġett se jibda bir-rijabilitazzjoni tal-kosta fiż-żona tal-Qala ta’ Santa Marija.
Fost ix-xogħlijiet li se jsiru, se jitneħħew bosta speċi aljeni, jitneħħew strutturi illegali u jiġi rrestawrat il-ħitan tas-sejjieħ.
L-awtoritajiet qalu wkoll li se tiżdied il-protezzjoni tax-xagħri li jinsab bejn il-Kmienen u Blue Lagoon permezz ta’ lqugħ tal-injam, installazzjoni ta’ lqugħ madwar il-Camping Site f’Tal-Ful u l-installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà.