Anastasi, il-ħanut li jinsab fi Strada Merkanti fil-Belt Valletta, hu l-eqdem ħanut fid-dinja li jbigħ l-istickers tal-Panini.
Irrapporta dan sit Taljan f’intervista ma’ sid il-ħanut fejn ingħad kif il-ħanut Anastasi se jkun qed jiċċelebra il-50 sena minn mindu beda jagħmel din l-attività. Dominic Anastasi rrakkonta kif ta’ 17-il sena beda jbigħ l-istickers tal-Panini mill-ħanut taż-żraben tal-ġenituri tiegħu fejn pront ħa l-isem u sar punt ta’ referenza għall-fanatiċi tal-istickers tal-Panini.
Dan permezz ta’ ħbiberija li hu kellu mal-aħwa tal-Panini. Anastasi għandu għexieren ta’ snin ta’ mijiet ta’ stickers u albums, ta’ kompetizzjonijiet ta’ fama mondjali, fosthom dawk tat-Tazza tad-Dinja u tal-Kampjonati Ewropej.
Hu sostna li ta’ kuljum jirċievi għexieren ta’ messaġġi fuq l-internet mingħand persuni minn madwar id-dinja, jistaqsu jekk għandux stickers partikolari sabiex b’hekk ikunu għaqdu l-istickers kollha tal-album li jkunu qed jikkollezzjonaw.