Il-Partit Popolari Ewropew, l-EPP, li miegħu hu affiljat il-Partit Nazzjonalista Malti, irid ineħħi r-rwol ta’ Uffiċjal Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.
Minflok irid li jkun hemm Kummissarju Ewropew responsabbli mid-Difiża, li għandu jkun okkupat minn Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ xi stat membru tal-Unjoni Ewropea. F’din il-kariga, dan il-Kummissarju għandu jappunta Kunsill għas-Sigurtà Ewropea.
Bir-rwol ta’ dan il-kunsill speċifiku se jkun li jintervjeni immedjatament meta jkun hemm kriżi internazzjonali.
Rapporti fil-midja internazzjonali żvelaw dan ftit qabel jiġi approvat il-manifest tal-EPP għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej mill-mexxejja, li jagħmlu parti mill-grupp, li attwalment hu l-akbar wieħed fil-Parlament Ewropew.
Dawn l-istess rapporti qalu li l-Partit Popolari Ewropew irid ineħħi din il-kariga, minħabba li dejjem okkupawha politiċi mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Bħalissa, f’dan ir-rwol hemm l-Ispanjol Josep Borrell, li dwar il-gwerra fil-Lvant Nofsani kien minn tal-bidu fl-Unjoni Ewropea, li nsista li għandu jkun hemm waqfien mill-ġlied.
Dan waqt li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qabdu u marru Iżrael, minn jeddhom u mingħajr l-approvazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej li jmexxu.
Borrell, ir-Rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin, ma kienx magħhom f’din iż-żjara.
F’din iż-żjara, Metsola u Von der Leyen taw il-barka lill-militar Iżraeljan u ġew ikkrikati bl-aħrax mill-komunità internazzjonali bħala li taw l-approvazzjoni għal dak meqjus bħala ġenoċidju fil-Medda ta’ Gaza, fejn s’issa diġà nqatlu aktar minn tletin elf persuna, fosthom nisa u tfal.
L-EPP irid Kummissarju Ewropew tad-Difiża fid-dawl li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-ewwel strateġija tad-difiża tal-Unjoni Ewropea. Bis-sit awtorevoli Politico jiddeskrivi dan bħala t-telf tal-proġett ta’ paċi tal-Unjoni, li għalih inħolqot wara t-Tieni Gwerra Dinjija.