Il-Partit Popolari Ewropew li fih hemm imsieħeb il-Partit Nazzjonalista qed jiġi akkużat b’fake news wara rapport fit-Times li l-Parlament Ewropew laqa’ t-talba tal-Partit Popolari Ewropew u l-Partit Nazzjonalista biex isir dibattitu dwar Malta b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ikkonfermat li dak rappurtat mhu minn xejn, il-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Iratxe Garcia Perez.
Fil-fatt fi tweet, Garcia Perez qalet li dan hu fake news u llum ma kien hemm l-ebda konferenza tal-Presidenti tal-Parlament allura b’hekk ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni li jsir dibattitu b’riżoluzzjoni fil-konfront ta’ pajjiżna.
Sostniet kif dawn ir-rapporti, li se tiġi diskussa din il-materja fil-konfront ta’ Malta ma huma xejn ħlief tentattiv biex jixterrdu aħbarijiet foloz.
Temmet tgħid li l-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew se jibqa’ jappoġġja l-effettività u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet f’Malta.
Huwa Simon Busuttil, li mgħejjun mill-membri parlamentari Ewropej Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa qed jerġgħu jippruvaw iqanqlu dibattiti dwar pajjiżna.
Dan f’mument fejn il-forzi tal-ordni f’pajjiżna komplew jiksbu suċċess fil-ħidma tagħhom.
Fil-fatt dan l-isforz inbeda ftit jiem wara li fil-Qorti tressqu iktar nies akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u saħansitra kien hemm persuna li weħlet sentenza ta’ priġunerija fuq dan il-qtil.
Il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll kif dibattitu ta’ dan it-tip li jrid Busuttil u sħabu u li qed jiġi mbuttat bil-qilla mill-Partit Nazzjonalista huwa maħsub biss biex tkompli ssir ħsara lill-pajjiżna.
Today there was no Conference of Presidents of the EP, so no decision was taken in relation of this topic (besides EPP attempts of spreading fake news). @theprogressives stand for the effectiveness and independence of the institutions in Malta. https://t.co/Lq6P7idSJw
— Iratxe Garcia Perez/♥️ (@IratxeGarper) March 22, 2021