Il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, flimkien ma’ diversi entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, qassmu diversi provvisti tal-ikel lil diversi għaqdiet li jaħdmu fil-komunità. Din kienet it-tielet sena li ttellgħet inizjattiva simili favur dawk inqas ixxortjati fis-soċjetà.
Fl-aħħar jiem membri tal-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u l-LESA ġabru għadd sabiħ ta’ provvisti ta’ ikel fiċ-ċentri tagħhom li, imbagħad, qassmuhom lil Dar San Ġużepp, Dar Sagra Familja, il-Creche tal-Ursolini, il-Fondazzjoni St. Jeanne Antide, Dar il-Milja u l-Laboratorju tal-Paċi.
L-uffiċjali ta’ dawn l-entitajiet kienu akkumpanjati wkoll mill-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Joyce Dimech.
Il-Ministru tenna l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn li, minbarra li jgħinu lil dawk inqas ixxortjati, iqarrbu wkoll lill-korpi dixxiplinati u l-entitajiet li jaħdmu fis-sigurtà mal-pubbliku.
Hu temm jawgura lill-entitajiet biex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin iżommu ħajjin dawn it-tip ta’ inizjattivi, għax permezz tagħhom jistgħu jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ diversi persuni.