Fi stqarrija, l-Enemalta kompliet iżżid ir-riżorsi biex tassisti lill-konsumaturi tagħha li ġew affettwati b’interuzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku kawża tal-ħsara fin-network ikkawżati mit-temperaturi għoljin.
Il-Ġimgħa filgħaxija, l-Enemalta rreġistrat seba’ ħsarat prinċipali fin-network tal-vultaġġ għoli, bil-maġġoranza ta’ dawn il-ħsarat ikkawżati minn ħsarat fil-cables ta’ taħt l-art.
F’ħafna minn dawn l-interruzzjonijiet, l-enġiniera u t-tekniċi tal-kumpanija reġgħu lura l-provvista lill-konusmaturi affettwati fi żmien qasir, billi użaw konnessjonijiet alternattivi fl-istess żona.
Il-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi f’partijiet minn Ħad-Dingli, Mdina, Rabat, Mtarfa, Ta’ Qali, Kalkara, Birgu u Bormla f’Malta u Żebbuġ, Xagħra u Nadur f’Għawdex, se tingħata lura mal-ġurnata hekk kif jitlestew it-tiswijiet li għaddejjin fuq il- cable ta’ taħt l-art.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona qal li l-Enemalta qed talloka ammont sinifikanti ta’ riżorsi addizzjonali u tissapportja lit-tim tekniku tagħha biex jissewwew fl-iqsar żmien possibbli dawn il-cables li esperjenzaw ħsarat. Dan sabiex jerġa’ jkun hemm iktar flessibilità u reżiljenza fin-network ta’ distribuzzjoni.
Il-proċess biex jissewwew il-ħsarat fil-cables ta’ taħt l-art jieħu ammont konsiderevoli ta’ ħin u jinvolvi ħafna timijiet ta’ ħaddiema speċjalizzati u kuntratturi, sabiex ikun jista’ jiġi identifikat il-punt eżatt tal-ħsara mar-rotta tal-cable. Peress li dan il-cable huwa midfun taħt it-toroq tagħna, irid isir tħaffir f’dan il-punt identifikat u wara tiswijiet u ttestjar tal-cable msewwi, qabel ma dan ikun jista’ jerġa’ jintuża biex jipprovdi l-elettriku lil eluf ta’ konsumaturi.
Sadanittant, iktar timijiet ta’ ħaddiema mill-Customer Response Section komplew jassistu lill-konsumaturi li rrapurtaw ħsarat individwali jew ħsarat li affettwaw partijiet minn toroq jew żoni żgħar.
Konsumaturi li jesperjenzaw ħsarat simili għandhom jinfurmaw lill-Enemalta direttament billi jidħlu fil-website tal-Enemalta u jirrapurtaw il-ħsara billi jużaw il-fault reporting tool – enemalta.com.mt/report-power-cut-form/, jew billi jċemplu lit-tim tal- Customer Care tal-Enemalta fuq 8007 2224 jew billi jċemplu s-Servizz.Gov Helpline 153.
Enemalta qiegħda tuża sistema ta’ notifiki permezz ta’ SMS biex iżżomm konsumaturi li huma rreġistrati aġġornati fuq ħsarat u tiswijiet li jaffettwaw il-provvista tal-elettriku tagħhom. Il-pubbliku jista’ jirreġistra għal dan is-servizz billi jibgħat SMS fuq in-numru 79052492, bin-numru tal-karta tal-identità.
Fuq is-sit elettroniku, jitilgħu aġġornamenti live fuq interruzzjonijiet fil-provvista tal- elettriku – https://www.enemalta.com.mt/planned-power-cuts/.