L-Enemalta bħalissa għaddejja b’diversi xogħlijiet biex is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna tibqa’ tissaħħaħ.
Fil-fatt għaddejjin xogħlijiet f’diversi livelli tas-sistema biex il-kumpanija jkollha aktar flessibiltà f’każ ta’ ħsarat biex tkun tista’ tibqa’ tforni l-elettriku lill-klijenti tagħha.
Fi stqarrija, l-kumpanija qalet kif f’dawn il-ġimgħat se tkun qed tiffinalizza żewġ proġetti b’investiment ta’ €2 miljun. Fis-Siġġiewi u f’partijiet minn Ħaż-Żebbuġ u l-Imqabba, madwar 5,000 familja u negozju se jkunu moqdija b’cable addizzjonali tal-11kV fuq rotta ‘l fuq minn 4km. Dan joffri flessibilità akbar lill-inġiniera tal-Enemalta biex jeqilbu minn cable għall-ieħor f’każ ta’ ħsara.
Fil-Mosta, cable ġdid tal-11kV, b’tul ta’ 1.3km ser ikun qed jilħaq aktar minn 4,000 konsumatur. Fiż-Żurrieq tlesta cable ieħor, b’tul ta’ 1.2km, li qed iservi bħala sors alternattiv għal aktar minn 5,000 klijent tal-Enemalta.
Sadanittant din il-ġimgħa tkompla l-proċess bi preparazzjoni għal Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar. Wara li aktar kmieni din is-sena tpoġġa kilometru ta’ cable taħt l-art, fil-Mosta tpoġġa mas-600m ta’ cable tat-33kV, li se jgħaqqad iċ-ċentru eżistenti tal-Mosta ma’ dak tan-Naxxar. Dan il-proġett huwa intiż biex l-Enemalta tkompli ttejjeb is-servizz tagħha fiċ-ċentru ta’ Malta.
F’lokalitajiet bħal Ħal Qormi u Buġibba sar xogħol ta’ rinfurzar fuq livell ta’ vultaġġ baxx għall-provvista tal-elettriku aktar stabbli. F’Ħal Qormi, mat-377 familja u negozju bbenefikaw minn dan ix-xogħol li kien jeħtieġ skavar qabel ma tpoġġew il-feeders ġodda taħt l-art u tqabbdu mal-grid biex il-provvista tal-elettriku tasal mis-substation għal għand il-konsumaturi.
F’għadd ta’ lokalitajiet oħra għaddej xogħol fis-substations, bl-installazzjoni ta’ tagħmir aktar modern. It-tibdil ta’ switchgear aktar modern ifisser li l-Enemalta qed iżżid l-awtomizzazzjoni fis-substations tagħha. Il-proċess huwa wieħed estensiv u jvarja minn xogħol strutturali, għal installazzjoni ta’ tagħmir ġdid u testing qabel dan jidħol fis-servizz.
Dawn ix-xogħolijiet huma parti mill-pjan ta’ tisħiħ fid-distribuzzjoni tal-elettriku li qed jiġi aċċellerat.