It-Tlieta filgħaxija, l-Enemalta rreġistrat ħsara waħda fin-network ta’ cables ta’ vultaġġ għoli, komparata mat-13 tal-lejl ta’ qabel, hekk kif it-timijiet tekniċi tagħha komplew bil-ħidma tagħhom sabiex terġa’ tinkiseb il- flessibilità fin-network ta’ distribuzzjoni mill-akrar fis possibbli.
L-unika ħsara fis-sistema ta’ vultaġġ għoli li ġiet irreġistrata t-Tlieta filgħaxija affettwat konsumaturi fin-naħat ta’ Ħal Safi u Ħal Kirkop. Il-provvista tal-elettriku lil dawn ilkonsumaturi ngħatat lura f’inqas minn 75 minuta.
Matul il-lejl, l-Enemalta kompliet bit-tiswijiet fuq cables ta’ taħt l-art li ġarrbu ħsarat kawża tal-mewġa ta’ sħana li laqtet lil Malta f’dawn l-aħħar disat ijiem. Iż-żoni kollha milquta, ħlief iż-żona tal-Ħandaq u Ħal Qormi, reġgħu tqabbdu mal-grid tad-distribuzzjoni permezz ta’ konnessjonijiet alternattivi sa nhar l-Erbgħa filgħodu.
Il-Kumpanija sa issa sewwiet 59 mill-82 ħsara irreġistrata f’dawn l-aħħar disat ijiem, hekk kif għadd ta’ timijiet ta’ tekniċi u Inġiniera qegħdin jaħdmu lejl u nhar sabiex jitlestew it-tiswijiet neċessarji u jerġgħu jiġu enerġizzati l-cables affettwati. B’hekk nerġgħu niksbu l-flessibiltà meħtieġa biex nagħtu lura l-provvista tal-elettriku f’inqas ħin meta tinqala’ diffikultà finnetwork.