F’konferenza tal-aħbarijiet, li ttellgħet mill-Enemalta, ingħatat spjega tal-ħidma li qed issir u dik li mistennija tissokta fil-ġimgħat li ġejjin bil-għan li tkompli tissaħħaħ is-sistema distributorja tal-elettriku f’pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava, li spjega kif il-kumpanija qed tikkollabora bis-sħiħ ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta fit-twettiq tal-pjan ta’ ħidma aċċellerat fuq is-sistema tal-elettriku li skatta wara l-qtugħ tad-dawl li esperjenza pajjiżna kawża tal-mewġa ta’ sħana f’Lulju li għadda, b’investiment li jlaħħaq il-€55 miljun.
Kien għalhekk li ngħata rendikont ta’ dak li skatta minn Lulju b’ħidma li pprijoritizzat l-aktar żoni affettwati f’pajjiżna, fejn, partikolarment, inbidlu mat-tmenin cable tal-11kV u saru tiswijiet fuq transformers f’żewġ substations li kienu ġarrbu ħsarat.
Dan ix-xogħol ingħaqad ma’ xogħol ieħor, li kienet diġà mbarkat fuqu l-Enemalta mis-sena li għaddiet, fejn, fost l-oħrajn, ġew ikkumissjonati mat-tmenin substation ġdida, filwaqt li ssaħħu ħamsa u erbgħin oħrajn diġà eżistenti u xogħlijiet oħra li raw it-tisħiħ u l-estensjoni taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni ta’ Marsaskala, l-Imrieħel u Ħal Tarxien. Apparti xogħlijiet oħra fuq low-voltage feeders u tibdil ta’ switchgears.
Intant kif, fis-sitt xhur li ġejjin, l-Enemalta se tkun qed tintensifika l-ħidma tagħha b’rabta mal-pjan aċċellerat hekk kif se tkun qed żżid mas-sebgħin kilometru ta’ cables taħt l-art tal-11kV. B’hekk dawn se jkomplu joffru aktar reżiljenza u flessibilità fis-sistema distributorja. Din il-ħidma hi erba’ darbiet akbar minn dak li sar s’issa mill-Enemalta fl-aħħar sentejn miġburin f’daqqa.
L-Enemalta ħabbret qed taħdem ukoll fuq żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u fis-Siġġiewi, filwaqt li dawk eżistenti tal-Imsida u Pembroke se jissaħħu.
Fil-fatt, din il-ġimgħa stess l-Enemalta ppubblikat sejħa għall-offerti għal dan il-proġett. Intqal li sakemm jibda jaħdem dan iċ-ċentru se jkun hemm feeders li se jkunu qegħdin jissupplixxu lil madwar għaxart elef residenza.
Rigward il-ġenerazzjoni tal-elettriku, għalkemm din tlaħħaq it-850mW u l-ogħla domanda milħuqa din is-sena kienet ta’ madwar 670mW se tkun qed toħroġ sejħa biex f’Delimara jkun hemm impjant ta’ ġenereazzjoni f’każ li xi sors ta’ ġenerezzjoni li għandu pajjiżna jieqaf jissupplixxi l-elettriku.
Din il-ħidma fuq il-pjan aċċellerat qed isir, minbarra x-xogħol parallel b’rabta mat-tieni interconnector li se jgħaqqad lil pajjiżna ma’ Ragusa u l-proġett ta’ ħażna ta’ enerġija f’batteriji.
F’kumment li ta lil dan l-istazzjon, iċ-Chairman tal-Enemalta nnota l-importanza tal-kollaborazzjoni mal-entitajiet l-oħrajn, b’mod partikolari, fuq xogħlijiet fejn jidħlu l-cables taħt l-art.
“Naturalment dan biex nistgħu naslu għalih kellna bżonn ir-rinforzi. Rinforzi għax l-Enemalta waħedha ma kinitx ħa twassal biex tagħmel dan ix-xogħol fl-iqsar żmien possibbli u għaldaqstant, bl-għajnuna ta’ kemm Infrastructure Malta kif ukoll Transport Malta, ingħaqadna flimkien, rajna x’inhuma l-esiġenzi li għandna bżonn li nagħmlu u hemmhekk ħejjejna dan il-pjan.”
Fil-fatt, Jeanette Axisa mill-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, li kkonfermat l-importanza tal-ħidma konġunta. Hi stqarret kif l-għan ta’ Transport Malta f’din il-ħidma hu li tiffaċilita l-mogħdija ta’ traffiku b’mod partikolari f’każi ta’ devjazzjonijiet.
Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, li ddikkjara s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li qed isir, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tat-tliet entitajiet li qegħdin jaħdmu fuq dan il-proġett li ddeskivieh bħala wieħed nazzjonali.