Fi stqarrija, l-Enemalta ħabbret li tat lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi li ġew affettwati minn interruzzjonijiet kawża ta’ ħsarat fil-cables tal-vultaġġ għoli.
Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa kompliet issewwi l-ħsarat oħra li ġew ikkawżati mit-temperaturi għoljin waqt din il-mewġa qawwija ta’ sħana.
L-Enemalta qalet li lbieraħ filgħaxija, inġiniera u tekniċi tal-Enemalta komplew bla waqfien biex isewwu l-ħsarat fil-cables tal-vultaġġ għoli f’partijiet differenti ta’ Malta u Għawdex, biex jagħtu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi, u jreġġgħu lura l-flessibilità u reżiljenza fin-network ta’ distribuzzjoni.
Minn nhar it-Tnejn ’l hawn, l-Enemalta rreġistrat iżjed minn 60 ħsara differenti fil-cables tagħha u diffikultajiet oħra fis-sistema tal-vultaġġ għoli fin-network ta’ distribuzzjoni ta’ Malta.
Intqal li diversi timijiet ta’ tekniċi ser ikomplu jaħdmu bla waqfien, sakemm il-cables kollha jinxtegħlu.
Sadanittant timijiet tekniċi oħrajn tal-Enemalta qegħdin ikomplu jassistu lill-konsumaturi li ntlaqtu minn ħsarat żgħar li jistgħu jaffettwaw binjiet individwali, partijiet minn toroq, jew żoni lokalizzati.
Matul il-lejl li għadda, l-Enemalta lestiet it-tiswijiet fuq il-cable ta’ vultaġġ għoli f’Ħ’Attard, sabiex tagħti lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi f’partijiet tar-Rabat, Dingli u l-Imtarfa.
F’Għawdex, tlestew ukoll it-tiswijiet fuq cable ieħor li jagħti l-provvista lill-partijiet tan-Nadur.