Sa nofs il-ġimgħa d-dieħla, il-kumpanija Enemalta mistennija jkollha stampa eżatta ta’ x’ikkawża u kemm hi kbira l-ħsara li ġarrab l-interconnector bejn Malta u Sqallija fit-23 ta’ Diċembru li għadda.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella qal li l-qtugħ fil-provvista jumejn qabel il-Milied seħħ wara li x’aktarx, l-interconnector intlaqat minn ankra ta’ vapur madwar 44 kilometru ’l bogħod mill-kosta ta’ Ragusa.
Ħabbar li Ħamis li ġej vapur apposta li bħalissa jinsab għaddej b’xogħlijiet f’Mallorca se jwaqqaf ix-xogħol ħesrem biex sal-Ħadd jasal fuq il-post fejn hemm il-ħsra f’fond ta’ 150 metru. L-Inġinier Vella qal li l-ispezzjoni weħidha se tiswa lil Enemalta madwar miljun ewro u s’issa ma jistax jgħid kemm se tiġi tiswa t-tiswija tal-interconnector li jidher li ġarrab qtugħ f’żewġ cables minn tlieta u hemm ħsara kbira wkoll fuq żewġ fergħat tal-fibre optic li jintuża għall-komunikazzjoni.
Iċ-Chairman tal-Enemalta Kevin Chircop qal li spjega l-ħidma li qed issir biex jissewwa l-interconnector. Chircop spjega: L-interconnector gratlu ħsara estensiva li fil-jiem li ġejjin ha jsir l-ewwel survey biex naraw kemm hija kbira l-ħsara li saret.”
Qal li l-qagħda ta’ bħalissa qed tiswa lill-Enemalta mal-€150,000 aktar kuljum biex ma jkunx hemm qtugħ ta’ dawl sakemm tissolva l-problema. Sosnta li bħalissa l-provvista tal-elettriku qiegħda tistrieħ għalkollox fuq il-powerstations ta’ Dellimara u li r-raġuni ta’ xi qtugħ ta’ dawl ġej mill-fatt li d-domanda kienet ogħla mill-provvista li kienet qed tipproduċi s-sistema. Qal li għalhekk inxtegħlu turbini oħrajn biex tilqa’ wkoll għal żieda fid-domanda li mistenni jkun hemm fil-jiem li ġejjin.
Is-Sur Chircop sostna: “Ir-raġuni li qed ikunu qosra huwa minħabba l-fatt li m’hemm l-ebda riskju li m’għandniex kapaċità biżżejjed lokali biex inkunu nistgħu nagħtu l-elettriku għad-domanda li teżisti anke f’dawn iż-żminijiet.”
Huwa tenna li l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Dellimara jistgħu jiġġeneraw sa 553 mega watt ta’ enerġija. Dan filwaqt li d-domanda fl-aħħar jiem kienet ta’ madwar 400 mega watts.