Mat-377 familja u negozju f’Ħal Qormi se jkollhom provvista tal-elettriku aktar stabbli.
Ħabbret dan l-aġenzija Enemalta fuq Facebook, fejn intqal li hawnhekk se jkun hemm żieda ta’ madwar kilometru cable mis-substation.
Intqal li wara li saru l-istudji neċessarji fiż-żona, sar skavar u tpoġġew ħames feeders ġodda fl-art li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal konsumaturi. Dan ix-xogħol qed isir fi 18-il triq madwar din il-lokalità.
L-Enemalta qalet li bħalissa għaddej il-proċess preparatorju biex dawn il-cables jiġu mqabbda mal-grid, biex il-konsumaturi jibdew igawdu minn servizz aħjar.
Dan huwa parti minn proġett ta’ €90 miljun li se jkun qed isaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, f’laqgħa mal-imsieħba soċjali f’Kastilja, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern se jkun qed jirdoppja l-investiment immedjat favur is-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl f’pajjiżna.
Dan se jfisser li s-sena d-dieħla, dan l-investiment se jirdoppja, biex b’hekk l-investiment fit-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-elettriku, se jkun ta’ €30 miljun minn €15-il miljun.
B’dan il-pjan ġie milqugħ b’mod pożittiv mill-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD.