L-Enemalta lestiet ix-xogħlijiet ta’ titjib u l-immodernizzar taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-elettriku f’Ħal Tarxien. Fost ix-xogħlijiet inbidu tliet transformers ta’ madwar 50 tunnellata il-wieħed, b’investiment li jaqbeż iż-żewġ miljun ewro.
Fil-fatt dan l-investiment se jipprovdi l-Enemalta l-kapaċità li tlaħħaq mad-domanda akbar u jipprovdi aktar stabilità fis-sistema tal-provvista tal-elettriku fil-lokalitajiet li jiddependu fuq dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni.
L-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta poġġew u għamlu x-xogħlijiet meħtieġa b’mod li fl-ebda ħin ma kienet sospiża l-provvista tal-elettriku t’eluf ta’ klijenti li jiddependu minn dan iċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni li miegħu hemm imqabbda mija u sitta u sittin substation mill-Kottonera sa Ħal Luqa.
Fi stqarrija l-Enemalta spjegat li bit-transformers il-ġodda, il-manutenzjoni ta’ rutina se tkun tista’ tibda ssir mingħajr il-ħtieġa li tiġi sospiża l-provvista tal-elettriku.
Ġie spjegat li dawn it-tliet transformers għandhom teknoloġija ta’ sorveljanza kontinwa u sistema li tiżgura li ż-żejt fit-transformers jinżamm f’kundizzjoni tajba mingħajr il-bżonn li kull sena jintbagħtu kampjuni taż-żejt għall-ittestjar f’laboratorju speċjalizzat barra minn Malta.
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li l-Enemalta mpenjata tkompli ssaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha. Qalet li dan il-proġett jagħmel parti mill-pjan ta’ investiment ta’ disgħin miljun ewro li l-Enemalta ħabbret iktar kmieni din is-sena.
Pjan li se jkun implimentat fuq medda ta’ sitt snin biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Il-Ministru Dalli temmet tgħid li mill-bidu ta’ din is-sena saru diversi xogħlijiet bit-tqegħid ta’ cables mis-substations f’diversi lokalitajiet, fost oħrajn.