Fl-aħħar sentejn, l-Enemalta investiet f’146 substation ġdida jew rinforzati, u dan fl-istess waqt li qed tħejji biex taċċellera l-investiment tagħha fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-2024, biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tad-dawl fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli, iddiskutiet l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan mat-tmexxija u l-ħaddiema ta’ Enemalta waqt żjara li għamlet fuq l-aħħar xogħlijiet tat-tisħiħ ta’ substation oħra f’Ħad-Dingli.
B’dan ix-xogħol, l-Enemalta qed tirdoppja l-kapaċità ta’ waħda mis-substations prinċipali f’din il-lokalità bi transformer ġdid, biex iżżid il-kapaċità u l-flessibilità tan-network fl-inħawi.
Il-Ministru fakkret li dan l-investiment se jkompli fis-sena l-ġdida u spjegat kif il-Gvern alloka aktar minn tliet darbiet dak li oriġinarjament ippjanat b’investiment totali ta’ €55 miljun fis-sistemi tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku.
“Fl-aħħar baġit rajna kif l-investiment fis-sistema għall-elettriku mhux talli rdoppjaniha, imma morna lil hinn minn hekk u parti sostanzjali minn dak l-investiment qed tmur biex insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni f’pajjiżna.”
Bħalissa, l-Enemalta qed tħaddem ’il fuq minn elf, sitt mija u ħamsin substation biex tissupplixxi d-dawl f’kull lokalità.
Iċ-Chariman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava, qal kif bir-rinforzar fis-substations u ż-żieda t’oħrajn ġodda, qiegħda tiżdied il-kapaċità fin-network, filwaqt li jiġu introdotti teknoloġiji aktar effiċjenti, bħal pereżempju sistemi ta’ remote switching, li jgħinu lill-inginieri u t-tekniċi tal-kumpanija jirrispondu għal diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu b’aktar ħeffa, mingħajr il-bżonn li jivvjaġġaw minn post għall-ieħor biex jixgħelu konnessjonijiet alternattivi.
“Meta aħna nkunu qed nitimgħu cables oħrajn, inkunu qed nagħmlu s-sistema tad-distribuzzjoni aktar reżiljenti ħalli f’każ, bħal dak li kellna fis-sajf li għadda, il-klijenti tagħna nkunu nistgħu naqduhom u naqilbuhom b’mod aktar faċli u nnaqqsu kemm jista’ jkun l-interruzzjoni tad-dawl fid-djar tagħhom u anke għan-negozji.”
L-Inġinier Fava spjega kif, fl-2024, il-kumpanija se żżid madwar 45 substation ġdida, filwaqt li 40 substation oħra se jiġu msaħħa b’tagħmir ta’ switchgear ġodda u transformers akbar.
Sadanittant, b’rabta mal-istess xogħlijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi biex proġetti u xogħlijiet relatati mad-distribuzzjoni tal-elettriku, jiddaħħlu fil-klassifikazzjoni ta’ servizzi pubbliċi essenzjali li ma jibqax ikollhom bżonn proċessi twal biex ikunu jistgħu jitwettqu.