Inġiniera u tekniċi tal-Enemalta qed jassistu f’xogħol t’emerġenza f’Tas-Sliema wara li substation f’lukanda ġarrbet ħsarat, kawżati minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biswit din is-substation.
Dan tħabbar f’kitba fuq il-midja soċjali mill-Enemalta.
Intqal kif kawża tal-ħsarat, numru ta’ nies jinsabu temporanjament mingħajr elettriku.
Minnufih, l-Enemalta bdiet taħdem biex toffri servizz t’elettriku temporanju permezz ta’ generators.
Inqtal kif l-Enemalta se tkun għaddejja b’xogħlijiet biex il-konsumaturi jinqalbu fuq sorsi alternattivi u tiġi bypassed is-substation li ġarrbet ħsarat estensivi.
L-Enemalta għamlet ukoll rapporti mill-Pulizija u l-BCA.
Intant b’referenza għar-rapport li l-Enemalta rreferiet lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni b’rabta ma’ ħsarat f’substation f’Tas-Sliema, l-Awtorità marret immedjatament fuq il-post fejn skattat bl-investigazzjonijiet tagħha.
Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità ħarġet ‘Stop Works Notice’ u dan sakemm isiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji.
L-Awtorità qiegħda wkoll f’kuntatt mal-Enemalta biex taċċerta li d-drittijiet tat-terzi jkunu ssalvagwardjati.