Kawża tal-maltemp qawwi li laqat il-gżejjer Maltin fl-aħħar jumejn, iċ-ċentru ta’ assistenza tal-Enemalta sal-5:00pm tal-Ħadd, wieġeb ‘il fuq minn 1,500 talba għall-għajnuna li minnhom ġew identifikati 570 każ ta’ ħsara. 40% minn dawn il-każijiet identifikati kienu jirrigwardjaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku filwaqt li l-kumplament tal-każijiet kienu jikkonċernaw diffikultajiet oħra kkawżati mit-temp kiefer li hakem lil Malta.
Filwaqt li l-ħsarat fis-sistema ta’ vultaġġ għoli kienu ftit u ġew imsewwija kollha sa kmieni waranofsinhar, baqa’ numru sostanzjali ta’ ħsarat fis-sistema ta’ vultaġġ baxx li qed jaffettwaw klijenti mferrxa ma’ Malta u Għawdex. It-timijiet tal-emerġenza tal-Enemalta baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom matul il-lejl kif ukoll fil-ġranet li ġejjin sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal b’mod komplet.
Dawn il-jiem ta’ maltemp wasslu biex it-talba għall-provvista tal-elettriku tirreġistra żieda sostanzjali, tant li żieda il-Ħadd laħqet medja ta’ 324MW kull siegħa, jew 20% aktar mill-medja normalment milħuqa fil-jum tal-Ħadd. Din iż-żieda hija attribwita għall-fatt li l-familji Maltin semgħu mill-appelli tal-awtoritajiet u baqgħu fi djarhom matul il-jum tal-Ħadd u għalhekk sar użu aktar wiesgħa tas-sistemi li jsaħħnu bl-elettriku fost l-oħrajn.
Enemalta plc tixtieq turi l-apprezzament tagħha għall-ħidma bla heda li wettqu l-ħaddiema tagħha biex kull każ li ġie rrapportat lilha jiġi indirizzat bla telf ta’ żmien, kif ukoll tirringrazzja lill-pubbliku tal-koperazzjoni tiegħu.