Mill-ewwel ta’ Diċembru li ġej, l-Emirates se żżid il-frekwenza tar-rotta Malta-Larnaca-Dubaj għal titjira kuljum. Dan ifisser li l-operat tal-Emirates fuq din ir-rotta se jirritorna għal-livelli ta’ qabel il-pandemija, f’turija tal-irkupru b’saħħtu fil-kuntest tat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar madwar id-dinja.
It-titjira tal-Emirates EK110 se topera mit-Tnejn sal-Ħadd. Titlaq minn Malta fis-2:35pm, tasal l-Ajruport Internazzjonali ta’ Larnaca f’Ċipru fis-7pm u, wara waqfa qasira, tibqa’ sejra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Dubaj fejn tasal fis-12:45am. It-titjira lura titlaq minn Dubaj fis-7:25am, tieqaf Larnaca, u tinżel l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-1:05pm. Il-ħinijiet kollha indikati huma dawk lokali.
Il-Manager tal-Emirates għal Malta, Paul Fleri Soler, qal li l-operat tal-Emirates f’Malta huwa wieħed li kien b’saħħtu għal iżjed minn 24 sena u minkejja l-effetti tal-pandemija, bqajna kommessi li nappoġġjaw il-komunità lokali bit-trasport ta’ cargo essenzjali bejn Malta u swieq oħra fid-dinja. Ir-ritorn tal-frekwenza ta’ titjira kuljum bħal qabel il-pandemija timxi id f’id mal-istrateġija tagħna għal tkabbir tas-suq u l-pjanijiet tagħna li nżidu l-klijenti.