“It-Taqsima tal-Emerġenza iddewqek l-imrar u s-sabiħ tal-ħajja.” Hekk stqarr magħna l-konsulent Michael Spiteri fl-ewwel jum wara ħames snin iservi bħala Chairperson tad-Dipartiment tal-Emerġenza.
F’intervista ma’ ONE News huwa spjega kif fi 22 sena li ilu jaħdem bħala tabib ra bosta inċidenti u każijiet differenti. Stqarr kif saħansitra fl-aħħar ħames snin kellu jassisti f’inċidenti maġġuri u jaddatta flimkien mal-kollegi tiegħu għall-esiġenzi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 li offriet l-ikbar sfida sa issa. Stqarr kif madankollu l-iżjed mumenti diffiċli huma dawk li jinvolvu t-tfal.
Huwa tenna, “Għalkemm aħna nħossu għal kull pazjent li jkollna li sfortunatament ma jmurx tajjeb jew saħansitra jitlef ħajtu biss l-agħar inċidenti definittivament huma dawk li jinvolvu lit-tfal u għalkemm dawn għall-grazzja t’Alla huma rari ħafna imma kull meta jkollna dawn iħallu impatt psikoloġiku fuq l-istaff kollu.”
Dr Spiteri spjega kif madankollu xogħlu joffri mumenti sbieħ ukoll hekk kif stqarr li l-isbaħ mumenti huma meta tintebaħ li tkun salvajt ħajja.
Qal, “L-isbaħ esperjenzi huma meta tinduna li x-xogħol tat-tim tiegħek sewa biex isalva ħajja u għalkemm kuljum ikun hemm ammont ta’ nies li jkunu salvati minn ħalq il-mewt, ġieli jkollok dawk in-nies li dawn dejjem jibqgħu speċjali f’qalbek u jkollok ġenituri jew inkella qraba li jiġu jgħidulek grazzi ta’ dak li għamiltu għaliex il-pazjent bis-saħħa tat-tim tagħkom mar il’ quddiem u għex against all expectations.”
Huwa spjega kif dawn l-istejjer ta’ suċċess ma kinux ikunu possibbli kieku mhux għall-għaqda kbira li hemm fit-tim ta’ professjonisti li jaħdmu fit-taqsima tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei.
Spiteri stqarr, “It-taqsima tal-Emerġenza hija mhonija b’teamwork kbir u kieku mhux għal dak it-teamwork kieku la c-chairperson u lanqas il-membru l-oħra ma jirnexxielhom jiffunzjonaw. Filfatt li hu żgur li tatni insight kbir tal-kapaċitajiet tan-nies tagħna. Għandna nies li għandhom kapaċitajiet diversi, li jżommu l-pazjent l-ewwel u qabel kollox u li għalkemm nistgħu ma naqblux fuq ċertu affarijiet fl-aħħar insibu dik it-triq li tagħmel sens.”
Dr Michael Spiteri spjega kif issa jħares ’il quddiem li wara ħames snin f’din il-kariga jirritorna għall-kariga ta’ konsulent fl-emerġenza filwaqt li jkompli jaħdem maċ-Chairperson il-ġdid Dr Patrick Farrugia.
Huwa temm jgħid, “Mil-lum għandna chairperson ġdid, Dr.Patrick Farrugia illi ilna naħdmu flimkien jien u hu għal dawn l-aħħar 20, 21 sena. Konna nafu lil xulxin anke minn żmien l-iskola u aħna ser inkunu qed naħdmu flimkien, jiena issa fl-irwol tiegħi ġdid ta’ konsulent fl-emerġenza u hu fl-irwol tiegħu ta’ chairperson biex il-kura tal-pazjenti tkompli.”