Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jemmen li l-ħarsien tal-ambjent m’għandux jiġi ppolitiċizzat, anzi għandu jgib unanimità nazzjonali biex nipproteġu l-ambjent tagħna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jħeġġeġ l-Oppożizzjoni sabiex twarrab l-interess partiġġjan u llejla tappoġġja l-emendi għall-mozzjoni dwar emerġenza hekk kif imressqa mill-Gvern. Biex hekk nibnu fuq dak li kien diġà sar fl-2015 meta unanimament il-Parlament approva l-Att dwar il-Klima.
Permezz tal-emendi li saru għall-mozzjoni oriġinali mressqa mill-Oppożizzjoni, il-mozzjoni ssaħħet biex filwaqt li baqgħet titkellem fuq il-bżonn li nirriafermaw emerġenza dwar il-klima, tħares ukoll lejn il-miżuri li jridu jittieħdu biex il-pajjiż ikun effettiv fil-mod kif jindirizza din l-isfida. Ninnutaw ukoll il-miżuri ppreżentati fil-Baġit li jsaħħu l-qafas għall-azzjoni f’dan ir-rigward.
Għax nemmnu bis-sħiħ f’din il-kawża il-Forum Żgħażagħ Laburisti ffirma wkoll l-ittra miktuba mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ intiża biex tħeġġeġ lill-Membri Parlamentari jiddikjaraw Stat ta’ Emerġenza dwar il-Klima.