Il-Gvern ħa nota tal-ittra tal-President tar-Repubblika dwar it-tħassib ta’ xi gruppi dwar l-att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni u dwar jekk dan jiksirx id-dritt għall-ħajja kif inhu protett mill-Kostituzzjoni. B’hekk, il-Gvern talab parir tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Ġenerali, fil-parir tiegħu jgħid li, “l-tal-proċess leġiżlattiv fuq l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni ma jinvolvi ebda ksur tal-ġurament tal-kariga jew il-lealtà meħud minnek skont il-Kostituzzjoni”.
“Ma nsib li hemm ebda bażi legali biex jingħad minn qabel illi l-konvinzjoni tal-Gvern li l-abbozz ta’ liġi numru 37 huwa konformi mal-Kostituzzjoni hija żvijata jew skorretta”, qal l-Avukat Ġenerali. Huwa jfakkar kif il-mekkaniżmu ta’ kif kwalunkwe persuna tista’ tikkontesta l-validità Kostituzzjonali ta’ kwalunkwe liġi huwa permezz ta’ kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara li tidħol fis-seħħ l-imsemmija liġi.
Il-Gvern ifakkar li bejn l-istadju tat-Tieni Qari u ta’ Kumitat diġà għamel proċess ulterjuri ta’ konsultazzjoni fuq dak li diġà kien sar, u diġà għamel bidliet ibbażati fuqu. Ifakkar ukoll li l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar jekk l-abbozz ta’ liġi huwiex konformi mal-Kostituzzjoni jsir saħansitra qabel ma l-abbozz jitressaq fil-Parlament.
Għalhekk, b’konvinzjoni, il-Gvern se jimxi għal vot kif miftiehem biex tidħol fis-seħħ din il-liġi li ilha tiġi diskussa u li permezz tagħha iktar persuni se jkunu jistgħu jsiru ġenituri.