Il-kisba tad-divorzju issa bi triq iżjed imqassra hekk kif fil-Parlament għaddew l-emendi fil-liġi tad-divorzju mill-istadju tat-tielet qari.
Permezz tal-emendi approvati u mressqa mill-Gvern, il-partijiet li jkunu diġà separati legalment, jiġifieri b’sentenza tal-Qorti jew b’kuntratt, m’għandu jkun hemm l-ebda perjodu ta’ żmien ta’ stennija sabiex persuna tkun tista’ tagħmel talba għad-divorzju.
Min-naħa l-oħra, fejn il-partijiet ikunu biss separati de facto, u t-talba għal divorzju ssir miż-żewġ partijiet flimkien, l-istess partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sitt xhur mis-sena preċedenti.
Fejn, iżda, it-talba ssir minn parti waħda kontra l-oħra, il-partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sena mis-sentejn preċedenti.
Għall-ewwel darba se jkun ukoll hemm distinzjoni fil-perjodi ta’ żmien għat-tressiq ta’ talbiet għal divorzju li jsiru b’mod konġunt u dawk li jsiru b’mod unilaterali, minn persuni li mhumiex separati legalment.
Fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan l-iżvilupp u qal li l-liġi approvata u proposta mill-Gvern hija iżjed ġusta u tirrikonoxxi r-realtajiet tal-familji wara għaxar snin mill-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju.
Il-Prim Ministru saħaq li Gvern imexxi minnu se jkompli jimplimenta aktar riformi soċjali, b’għan wieħed, dak li jtejjeb ħajjet in-nies.
Din il-liġi tressqet għall-ewwel qari fil-Parlament f’Diċembru li għadda u issa għaddiet mill-istadji kollha parlamentari.