Il-kisba tad-divorzju issa tinvolvi triq iżjed imqassra hekk kif fil-Parlament għaddew l-emendi fil-liġi tad-divorzju mill-istadju tat-tielet qari.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fuq il-profil uffiċjali tiegħu fuq Twitter hekk kif laqa’ dan l-iżvilupp u qal li l-liġi approvata u proposta mill-Gvern hija iżjed ġusta u tirrikonoxxi r-realtajiet tal-familji wara għaxar snin mill-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju.
Permezz tal-emendi approvati u mressqa mill-Gvern, il-partijiet li jkunu diġà separati legalment, jiġifieri b’sentenza tal-Qorti jew b’kuntratt, m’għandu jkun hemm l-ebda perjodu ta’ żmien ta’ stennija sabiex persuna tkun tista’ tagħmel talba għad-divorzju.
Dwar dan tkellimna mal-Avukat Dean Hili. Huwa qalilna, “B’dak li ħa tkun qed tagħmel din l-emenda fil-liġi bażikament huwa li tirrikonoxxi dawn ir-realtajiet u tagħti opportunità lil dawn il-persuni sabiex jistabbilixxu rwieħhom u jagħżlu l-paġna li jmiss fil-ħajja tagħhom, possibilment jottjenu d-divorzju f’ħafna inqas żmien minn kemm wieħed kellu jistenna taħt ir-reġim l-antik.”
Intant fejn il-partijiet ikunu biss separati de facto, u t-talba għal divorzju ssir miż-żewġ partijiet flimkien, l-istess partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sitt xhur mis-sena preċedenti.
Fejn, iżda, it-talba ssir minn parti waħda kontra l-oħra, il-partijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, iridu jkunu ilhom ma jgħixux flimkien bħala koppja miżżewġa għal mill-inqas sena mis-sentejn preċedenti.
Għall-ewwel darba se jkun ukoll hemm distinzjoni fil-perjodi ta’ żmien għat-tressiq ta’ talbiet għal divorzju li jsiru b’mod konġunt u dawk li jsiru b’mod unilaterali, minn persuni li mhumiex separati legalment.
Din il-liġi tressqet għall-ewwel qari fil-Parlament f’Diċembru li għadda u issa għaddiet mill-istadji kollha parlamentari.