L-emenda li ppreżenta l-Gvern dwar l-abbozz li jittratta l-protezzjoni ta’ saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala, qed tagħmel lil Malta konformi mal-Konvenzjoni Ewropea.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti lill-ġurnalisti barra l-berġa ta’ Kastilja.
“Ma stajniex nibqgħu siekta meta konna nafu li għandek realtà ta’ ommijiet li bdew jitħallew, jew setgħu jitħallew, f’xifer il-mewt għax kellek qafas leġislattiv li ma kienx jeżisti. Barra l-kwistjoni li kellna qafas leġislattiv li ma kienx konformi mal-Konvenzjoni Ewropea, u nemmen li bir-riforma li għamilna, illum ninsabu konformi mal-Konvenzjoni Ewropea u għal darb oħra, il-Partit Laburista wera li mill-Gvern għandu l-kuraġġ li jimxi ’l quddiem b’bidliet leġislattivi anki meta jkun ifisser li qed tiskossja ċertu status quo.”
Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela ddeskriva dak li seħħ il-Ġimgħa bħala żvilupp storiku leġislattiv, u nnota kif dan jikkonferma l-kuraġġ li kellu l-Gvern, li sa mill-bidu nett innota l-ħtieġa ta’ riforma fil-liġijiet Maltin f’dan il-qasam biex tkun protetta l-ħajja tal-omm prospettiva.
Tenna wkoll id-dispjaċir tiegħu li għal darb oħra, l-Oppożizzjoni kienet fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru, għaliex baqgħet tinsisti li m’hemmx bżonn ta’ emendi leġislattivi għax kienet kuntenta bl-istatus quo.
“Jiddispjaċini ngħid li kellna lill-Oppożizzjoni għal darb oħra, fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru, għaliex kienet insistiet li ma kien hemm ebda ħtieġa ta’ emenda leġislattiva għaliex il-kumdità tal-istatus quo, bħal dejjem, kienet tikkuntentaha.”
Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-intenzjoni tal-Gvern kienet ċara mill-ewwel; li fehem it-tħassib ta’ ċertu persuni u mexa għal proċess ta’ xhur ta’ djalogu biex kulħadd isemma’ leħnu.
Dr Abela qal li l-prijorità dejjem kienet li l-Gvern ma jibqax sieket f’realtà, fejn kien hemm ommijiet li jitħallew f’xifer il-mewt minħabba nuqqas ta’ qafas leġislattiv, li mhux konformi mal-Konvenzjoni Ewropea.
“Irnexxielna nipperswadu dwar x’kienet verament l-intenzjoni oriġinali tagħna, it-test li qbilna dwaru jikkonferma x’kien il-ħsieb inizzjali, u nemmen li llum, iva, dan il-pajjiż mexa ’l quddiem u għamel pass storiku.”
Prim Ministru Robert Abela