Għal darb’oħra, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ spjega li l-emenda li qed tiġi proposta għall-Kodiċi Kriminali sabiex jiġu protetti l-omm u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ kumplikazzjoni serja li tpoġġi f’periklu gravi ħajjet jew saħħet il-mara se żżomm l-abort illegali kif inhu.
Fl-istess waqt, iżda, din l-emenda se tagħti serħan il-moħħ legali f’każijiet meta jkollhom jitwettqu interventi f’żewġ ċirkostanzi biss, li fil-fatt ilhom jitwettqu fl-isptar iżda li mhumiex koperti legalment.
Meta kien qed jitkellem mal-ġurnalisti fi tmiem iż-żjara lill-kumpanija Teva f’Bulebel, il-Prim Ministru spjega li l-parir tal-Avukat tal-Istat kien li din ma tistax tibqa’ hekk minħabba li din il-prassi jeħtieġ li tkun koperta bil-liġi.
Dr Abela sostna li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jibqa’ għaddej bid-diskussjonijiet dwar din l-emenda, iżda mhux lest li tinġieb fix-xejn il-protezzjoni li hemm maħsuba għall-ommijiet u l-ħaddiema mediċi.
Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni qed tpinġi narrativa mhux veritiera u qed tipprova ddaħħal il-biża’ fost il-poplu.
“Kien għalhekk li l-prassi li ilha teżisti f’pajjiżna għal tant snin, illum se nkunu qed nikkristalizzawha, nikkodifikawha, fil-liġijiet tagħna biex nagħtu serħan il-moħħ illi meta tabib jaġixxi f’żewġ ċirkostanzi – u rrid inkun ċarissimu li f’żewġ ċirkostanzi biss.
Hawnhekk ħadd mhu qed jikkontempla mqar li b’xi mod, minn xi tieqa jew ventilatur, nintroduċu l-abort. Mela dik nixtieq niċċaraha u nagħmilha ċara daqs il-kristall, kif kelli diġà l-opportunità ċara li nagħmlu, imma biss fejn għandek ċirkustanza waqt it-tqala fejn ħajjet l-omm qiegħda f’periklu jew saħħitha qiegħda f’periklu gravi, allura hemmhekk, meta t-tabib jagħmel intervent u l-fetu jintilef, allura hemmhekk ikun eżentat kemm it-tabib, kif ukoll l-omm prospettiva minn responsabilità kriminali.
Dik l-unika emenda li qegħdin nagħmlu. Naturalment, aħna kommessi li nibqgħu għaddejjin b’diskussjonijiet biex, jekk hemm xi ħaġa f’dan il-messaġġ tagħna illi mhux tinftiehem, inkomplu niċċarawha. Jekk hemm xi fine tuning li trid issir fid-diċitura tal-liġi lesti nikkunsidrawh ukoll. Li m’aħniex lesti, pero, huwa illi l-protezzjoni illi rridu nagħtu lit-tabib u lill-omm, nagħmlu xi emenda illi nġibuha fix-xejn.”