Kumitat fi ħdan l-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea, l-EMA, irrakkomanda l-approvazzjoni tat-tilqim ta’ tfal ta’ bejn il-5 snin u 11-il sena bil-vaċċin tal-Covid-19.
Il-kumitat CHMP fil-fatt, irrakkomanda li t-tfal li jaqgħu f’din il-faxxa tal-età jieħdu l-vaċċin tal-isem Comirnaty li huwa żviluppat mill-BioNTech u l-Pfizer.
Id-doża ta’ din it-tilqima għal tfal ta’ bejn il-5 snin u l-11-il sena ġie rakkomandat li tkun inqas minn dik li tingħata lil tfal ta’ tnax-il sena jew aktar. Hawnhekk ġie rakkomandat tingħata doża ta’ 10 µg minflok 30 µg. Dan hekk kif studju wera li din id-doża mnaqqsa fost din il-faxxa ta’ età tikkumpara l-istess ma’ doża sħiħa tal-istess vaċċin bejn żgħażagħ ta’ 16 u 25 sena.
L-istess studju wera li dan il-vaċċin għandu effettività ta’ 90.7% sabiex jipprevjeni sintomi tal-Covid-19.
Intant b’rabta ma’ dan, ilbieraħ id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tenna li pajjiżna kien jinsab lest għal din l-aħbar tant li l-proċess ta’ prokura għal dan il-vaċċin diġà huwa lest.
Id-Deputat Prim Ministru tenna li huwa mmirat li f’pajjiżna dawk bejn il-5 snin u l-11-il sena jibdew jitlaqqmu b’dan il-vaċċin minn nofs Diċembru ’il quddiem.